Lokali Qorti

Il-Qorti tiddikjara estinta żewġ kawżi ta’ frodi ta’ benefiċċji wara maħfra presidenzjali

Il-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ddikjarat estinta kawża kriminali kontra Grace Calleja, wara li kkonstatat li l-imputata kienet ingħatat maħfra presidenzjali marbuta ma’ każ ta’ benefiċċji soċjali miksuba indebitament. Kawżi oħra estinti bl-istess mod kienu dawk fil-konfront ta’ Raymond Caruana,

Calleja kienet tressqet mill-Pulizija mmexxija mill-Ispettur Keith Caruana Darmanin. Calleja ġiet akkużata li rċeviet pagamenti ta’ benefiċċji soċjali mingħand id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali mingħajr ma kienet intitolata għalihom.

Il-Qorti fakkret li fil-25 ta’ April 2024, il-President tar-Repubblika kienet ħarġet mandat ta’ maħfra presidenzjali, soġġetta għal diversi kundizzjonijiet, fosthom il-ħlas lura tal-ammonti riċevuti indebitament u l-obbligu li l-benefiċjarju jixhed kontra terzi jekk meħtieġ.

Irriżulta li Grace Calleja ngħatat formalment il-maħfra presidenzjali fl-20 ta’ Ġunju 2025, u għalhekk il-prosekuzzjoni u d-difiża talbu lill-Qorti sabiex tiddikjara l-kawża bħala estinta.

Id-difiża argumentat li jekk il-proċeduri kriminali jibqgħu pendenti, l-imputata ma tkunx tista’ tixhed kontra terzi kif mitlub mill-kundizzjonijiet tal-maħfra, peress li tkun għadha titqies bħala persuna akkużata.

Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti rreferiet għal ġurisprudenza kostituzzjonali stabbilita, fosthom is-sentenza fil-kawża Anthony Zarb et vs Il-Ministru tal-Ġustizzja u d-deċiżjoni reċenti Il-Pulizija vs Justin Magro, fejn ġie kkonfermat li l-maħfra presidenzjali hija prerogattiva li ma tistax tiġi ssindikata mill-Qrati.

Il-Maġistrat Farrugia Frendo qalet li ladarba l-President tkun ħarġet maħfra presidenzjali, il-Qorti ma għandhiex setgħa tibqa’ teżerċita ġurisdizzjoni fuq ir-responsabbiltà kriminali tal-imputata, li llum titqies bħala persuna meħlusa minn kull responsabbiltà penali, għalkemm soġġetta għall-kundizzjonijiet imposti fil-maħfra.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti ddikjarat il-kawża estinta u ordnat li kopja tad-digriet tintbagħat lill-Avukat Ġenerali fi żmien 24 siegħa. Dan kollu jgħodd ukoll fil-konfront ta’ Caruana li fuq il-każ tiegħu l-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispetturi Wayne Rodney Borg u Andy Rotin.