Lokali Qorti

Illiberat minn akkuża ta’ pussess ta’ kokaina

Raġel ta’ 53 sena residenti ż-Żurrieq ġie illiberat mill-akkuża li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina, wara li l-Qorti sabet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova li s-sustanza li nstabet kienet effettivament kokaina.

Joseph Camilleri kien mixli li fil-31 ta’ Mejju 2012, kif ukoll fil-ġimgħat ta’ qabel, kellu fil-pussess tiegħu kokaina u li kiser kundizzjonijiet imposti fuqu b’sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati mogħtija fl-2009. Madankollu l-Qorti qalet li “…ma ġiex ippruvat li s-sustanza li nstabet f’bottijiet fid-dar ta’ ommu kienet fil-fatt kokaina.”

Mill-provi li tressqu quddiem il-Qorti rriżulta li fil-15 ta’ Mejju 2012 il-Pulizija kienet bdiet tinvestiga serqa minn uffiċċji fil-Gżira, liema investigazzjoni wasslet biex is-suspett jaqa’ fuq l-akkużat, li sussegwentement ġie arrestat.

Il-Pulizija marru fir-residenza fejn kien qed jgħix l-akkużat, fejn sabu lil martu u lil oħtu. Bl-għajnuna ta’ kelb tal-Pulizija, instabu disa’ qratas b’sustanza suspettata li kienet kokaina, li allegatament kienu moħbija f’bottijiet fid-dar ta’ ommu.

Waqt l-interrogazzjoni tiegħu, Camilleri insista li ma kienx jaf bil-preżenza ta’ dawn il-qratas, għalkemm ammetta li f’dak iż-żmien kien ibati minn vizzju tad-droga.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo rrimarkat li l-prosekuzzjoni naqset milli tipproduċi provi xjentifiċi jew rapporti li jikkonfermaw li s-sustanza elevata kienet fil-fatt kokaina. Fid-dawl ta’ dan in-nuqqas, il-Qorti ddeċidiet li ma kienx hemm prova suffiċjenti kontra l-akkużat u għalhekk illiberatu mill-akkużi kollha.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Fabian Fleri, filwaqt li l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit dehru għall-akkużat.