Lokali Qorti

Immultat €15,000 u pprojbit għal għomru milli jżomm annimali wara li ħaqar żewġt iklieb

Raġel ta’ 31 sena ġie mmultat €15,000 u pprojbit għal għomru milli jżomm annimali, wara li l-Qorti sabitu ħati li ħaqar żewġt iklieb li kienu taħt il-kura tiegħu. Gary Agius kien mixli li f’Settembru tal-2023 ġiegħel annimali jsofru tbatija bla bżonn, żamm annimali mingħajr ma kien responsabbli għat-trattament xieraq tagħhom, u naqas milli jiżgura s-saħħa u l-benesseri tal-annimali li kellu.

Il-Qorti semgħet kif il-Pulizija ġiet imsejħa mill-Ispettur għall-Ħarsien tal-Annimali sabiex tassisti f’għalqa fir-Rabat, fejn instabu żewġt iklieb miżmuma f’kundizzjonijiet ħżiena. Skont ix-xhieda, il-klieb – li kienu taħlita mar-razza tal-kaċċa – kienu fi stat ta’ għadma u ġilda, miżmuma magħluqa ġo spazju mdardar u mhux san.

Wieħed mill-klieb kellu dell parzjali mis-siġar, filwaqt li l-ieħor kien kompletament espost għax-xemx. Wieħed minnhom ma kellu ebda ilma, filwaqt li l-ieħor kellu landa b’ilma maħmuġ u ħadrani. Il-klieb ittieħdu għand veterinarju, li xehed li t-tnejn kienu fi stat ħażin ta’ saħħa. Wieħed minnhom kien qed ibati minn marda trażmessa mill-qurdien, filwaqt li l-ieħor kellu bżonn intervent dentali urġenti.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, ikkonkludiet li l-prosekuzzjoni ressqet biżżejjed provi biex Agius, li fuqu kienu rreġistrati l-klieb, jinstab ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. “Din il-Qorti ċertament ma tistax tifhem kif l-imputat ittratta lill-akbar ħabib tal-bniedem b’dan il-mod, u tibża’ wkoll li dan it-trattament jista’ jiġi ripetut,” sostna l-Maġistrat fid-deċiżjoni tiegħu.

Għalkemm il-Qorti qieset li Agius għandu kondotta nadifa, enfasizzat li għandha d-dmir li tipproteġi lil dawk li huma vulnerabbli, u li l-annimali jaqgħu taħt din il-kategorija. Minbarra l-multa u l-projbizzjoni tul il-ħajja milli jżomm annimali, Agius ġie ordnat ukoll iħallas l-ispejjeż kollha relatati mat-trattament veterinarju u r-rilokazzjoni tal-klieb.