Lokali Qorti

Inġinier Tork jinżamm arrestat wara akkuża ta’ stupru fuq mara li ltaqa’ magħha fuq Tinder

Inġinier ta’ 36 sena ta’ nazzjonalità Torka, residenti Marsaskala, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li stupra mara li kien iltaqa’ magħha permezz tal-applikazzjoni tad-dating Tinder. L-akkużat, Onur Arlson, tressaq il-Qorti fejn ġie informat bl-akkużi miġjuba kontrih.

Il-Qorti semgħet kif l-akkużat u l-allegata vittma kienu ilhom joħorġu flimkien wara li ltaqgħu fuq ‘Tinder’. Skont il-prosekuzzjoni, wara appuntamenti bejniethom, il-koppja marru wkoll f’lukanda. Kien hemmhekk li l-akkużat allegatament staqsa lill-mara jekk tridx tagħmel sess miegħu.

Il-prosekuzzjoni qalet li minkejja li l-mara rrifjutat, l-akkużat xorta waħda allegatament għamel ta’ rasu u spiċċa stupraha. Qabel ma bdiet is-seduta, ħareġ li l-mara tal-akkużat kienet preżenti fl-awla, iżda fuq talba ta’ żewġha kienet mitluba titlaq peress li ma kinitx taf x’inhuma l-akkużi miġjuba kontrih.

Il-Qorti infurmatha li peress li s-seduta kienet waħda pubblika, hija setgħet tiddeċiedi li tibqa’ fl-awla, u fil-fatt għażlet li tibqa’. Ġie nnutat li kienet proprju waqt is-seduta li saret konxja tan-natura serja tal-akkużi fil-konfront ta’ żewġha.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, billi argumentat li l-akkużat għandu rabtiet sodi ma’ Malta u għalhekk ma jippreżentax riskju ta’ ħarba. Ġie enfasizzat ukoll li huwa għandu residenza u impjieg f’Malta.Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa għal din it-talba, u saħqet li l-vittma għad trid tixhed u li bħalissa tgħix Malta, fatt li jqajjem tħassib dwar il-possibbiltà ta’ interferenza f’dan l-istadju bikri tal-proċeduri.

Wara li kkunsidrat l-istat tal-kawża, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-akkużat jibqa’ miżmum arrestat. Il-prosekuzzjoni talbet ukoll biex tinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma, talba li ġiet milqugħa mill-Qorti, li ħarġet l-ordni kif mitlub.

Min-naħa tagħha, id-difiża talbet għal projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-isem tal-akkużat, billi semmiet il-preżenza ta’ minorenni ta’ sitt snin. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat, u sostniet li din kienet konsiderazzjoni personali u mhux waħda ta’ interess pubbliku.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-isem tal-akkużat, iżda kkonfermat il-projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-identità tal-vittma. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Miriayah Borg f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, filwaqt li għall-akkużat qed jidher l-Avukat Silvan Pulis.