Każ fil-Qorti li tressaq kontra d-deputat nazzjonalista Toni Bezzina twaqqa’ wara li nstab li l-Perit ma kellu l-ebda tort fl-akkuża li kien miġjuba kontrih. Huwa kien mixli b’ċitazzjoni li naqas milli jobdi ordnijiet tal-Pulizija, wara li allegatament ma pprovdiex filmati tas-CCTV b’rabta ma’ inċident li kien seħħ qrib l-uffiċċju tiegħu fiż-Żurrieq.
Madankollu, il-Qorti semgħet li l-filmati inkwistjoni kienu diġà tħassru mis-sistema u li Bezzina kien informa lill-Pulizija b’dan il-fatt f’diversi okkażjonijiet. Il-każ kien jirrigwarda inċident li seħħ fil-ġimgħa ta’ Santa Marija, meta karozza daħlet f’oħra li kienet ipparkjata quddiem l-uffiċċju tiegħu.
Il-Pulizija kienu talbu kopja tal-filmati tas-CCTV kemm mingħand Bezzina kif ukoll mingħand xi ġirien. Skont il-Perit, huwa kien immedjatament ċempel lill-kumpanija tas-sigurtà responsabbli mis-sistema, li bagħtet tekniku wara li għaddew il-festi. It-tekniku kkonferma li, minħabba l-limitazzjonijiet tas-sistema, il-filmati kienu diġà tħassru.
Bezzina qal li mar l-għassa għal diversi drabi u ppreżenta wkoll ċertifikat uffiċjali li jikkonferma li l-filmati ma kinux għadhom jeżistu. Minkejja dan, id-deputat sostna li baqa’ sorpriż meta xi ħadd fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ddeċieda li jressqu l-Qorti.
Is-seduta saret il-Ħamis quddiem il-Maġistrat Victor Axiak, li ddeċieda li jwaqqa’ l-każ kontra Bezzina. Il-Qorti tat ukoll l-opportunità lid-deputat biex jiftaħ kawża dwar abbuż ta’ poter, iżda Bezzina għażel li ma jieħux dan il-pass sabiex, kif qal hu stess, ma tiġix eskalata s-sitwazzjoni. Il-Qorti kellha kliem iebes ukoll talli l-każ ta’ Bezzina spiċċa l-Qorti. Għad-deputat Nazzjonalista deher l-avukat Joe Giglio.
//= $special ?>

