Żagħżugħ ta’ 26 sena wieġeb mhux ħati quddiem il-Qorti tal-akkużi li kellu fil-pussess tiegħu 25 qartas droga suspettata kokaina, kif ukoll li kien qed isuq vettura mingħajr liċenzja tas-sewqan u mingħajr polza tal-assikurazzjoni valida.
Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, fejn ġie spjegat li fil-lejl ta’ bejn it-13 u l-14 ta’ Jannar, uffiċjali tal-Pulizija innutaw vettura misjuqa minn Jake Debono. Skont ix-xhieda, l-imputat deher jagħmel movimenti suspettużi, fosthom meta persuna telgħet fil-karozza ħdejh u wara ftit minuti reġgħet niżlet.
Il-Pulizija segwew il-vettura u waqqfuha fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa, f’Ħal Luqa. Malli innota l-preżenza tal-Pulizija, l-akkużat allegatament ipprova jirriversja u laqat vettura tal-Pulizija, għalkemm ħadd ma weġġa’ fl-inċident.
Waqt tfittxija li saret fuq persuntu, il-Pulizija sabet 25 qartas droga suspettata kokaina. Minn tfittxija fil-vettura, instabu wkoll żewġ mobile phones.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tal-ħelsien mill-arrest, filwaqt li sostniet li l-akkużat kien qed isuq bla liċenzja u li għad irid jiġi stabbilit kif ġie fil-pussess tal-vettura. Intqal ukoll li l-akkużat għandu problema serja u akuta ta’ abbuż tad-droga, u li fl-istqarrija tiegħu stess ammetta li daħal fi programm ta’ rijabilitazzjoni erba’ darbiet iżda dejjem falla.
Min-naħa tagħha, id-difiża argumentat li l-Pulizija tista’ faċilment tistabbilixxi fuq min hija rreġistrata l-vettura. L-avukat spjegat li waqt l-istqarrija tiegħu, l-akkużat uża l-espressjoni “kelli reality check” u wera x-xewqa li jfittxet l-għajnuna. Id-difiża qalet ukoll li l-imġiba tiegħu kienet affettwata minn diversi diffikultajiet personali riċenti, fosthom problemi fuq il-post tax-xogħol fil-kċina fejn kien jaħdem u t-tmiem ta’ relazzjoni sentimentali.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u qalet li, skont iċ-ċirkostanzi, l-akkużat mhux f’kundizzjoni mentali biżżejjed biex jegħleb il-vizzju tad-droga jekk jitħalla barra.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Alfredo Mangion flimkien ma’ Daniel Tabone f’isem l-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat dehret l-avukat Francesca Zarb.
//= $special ?>

