Raġel ta’ 53 sena residenti l-Qrendi baqa’ miżmum taħt arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li ffastidja sesswalment lill-eks kollega tiegħu fuq il-post tax-xogħol.
Joseph Falzon ġie mixli li fit-13 ta’ Jannar li għadda wettaq att ta’ natura sesswali mingħajr il-kunsens tal-vittma f’binja f’Ħal Għaxaq fejn taħdem. Huwa akkużat ukoll li bejn id-29 ta’ Diċembru u t-13 ta’ Jannar li għadda taha fastidju u ssoġġettaha għal imġiba b’konnotazzjoni sesswali.
Il-prosekuzzjoni spjegat li l-investigazzjonijiet bdew fil-15 ta’ Jannar wara li l-vittma ressqet rapport mal-Pulizija. Skont il-prosekuzzjoni, minkejja li l-impjieg tal-akkużat kien ġie tterminat fid-29 ta’ Diċembru, huwa kien baqa’ jmur il-post tax-xogħol tagħha u joqgħod isegwiha u jiffittaha.
Intqal li l-vittma marret tirrapporta l-Għassa taż-Żejtun wara li l-akkużat allegatament reġa’ mar fuq il-post tax-xogħol tagħha u beda jmellsilha xagħarha, imissilha spallitha u mbagħad sidirha, b’dawn il-kuntatti allegatament idumu madwar ħames sekondi. Wara dan l-inċident, il-mara ddeċidiet li tressaq rapport formali.
Il-Pulizija ċċekkjaw il-filmati tas-CCTV li allegatament ikkonfermaw l-aġir deskritt mill-vittma. L-akkużat ġie arrestat u tteħditlu stqarrija fil-lock-up. Fil-Qorti, Falzon wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. L-arrest ma kienx ikkontestat, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Hija sostniet li, minkejja li l-akkużat ma baqax jaħdem hemmhekk, xorta kien qed imur il-post tax-xogħol tal-vittma, u dan qajjem tħassib serju ta’ interferenza mal-provi, speċjalment peress li għad iridu jixhdu kollegi li jaħdmu fl-istess binja.
Id-difiża argumentat li l-akkużat għandu familja u impjieg u li l-Qorti tista’ timponi kundizzjonijiet, bħal projbizzjoni milli jmur fuq il-post tax-xogħol. Qalet ukoll li l-imputat kien imur hemm mhux biss biex jara lill-vittma, iżda wkoll biex jiltaqa’ ma’ kollegi oħra li kienu jaħdmu miegħu. Id-difiża sostniet li l-każ għadu jrid jiġi ppruvat u li ma jimmeritax detenzjoni preventiva.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Ann Marie Thake, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-vittma għadha trid tixhed. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Krista Spiteri Lucas mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, assistita mill-Ispettur tal-Pulizija Darryl Farr.
//= $special ?>

