“Kontra s-suldati tal-azzar ma’ jirbaħ ħadd” – Robert Abela jisħaq li ser tkun is-sena tal-azzar għal-Labour filwaqt li qal li “fadal u fadal” għall-Elezzjoni Ġenerali
F’diskors ta’ aktar minn nofs siegħa spikkat il-karba għal dawk li telqu l-Labour u karba sabiex ituh l-appoġġ wara li f’dawn l-aħħar ġimgħat il-Partit Laburista kien mhedi fi ġlied intern – b’Jason Micallef u s-saga tal-ħaxix fiċ-ċentru ta’ dan id-diżgwit.
Dan hekk kif il-Mexxej tal-Labour Robert Abela indirizza lill-partitarji Laburisti fl-Isports Complex tal-Kottonera – f’attività ddominata minn attakki kontinwi kontra l-Partit Nazzjonalista u Alex Borg, kif ukoll dawk kollha li ma jaqblux mal-mod kif qed imexxi l-Gvern Laburista.
Dan anke wara ġimgħa turbolenti għal-labour; hekk kif id-delegat speċjali tal-Partit Laburista, Jason Micallef, ħareġ l-inkwiet intern fil-beraħ – tant li anke l-ġurnal Times of Malta żvela kif l-istess Micallef hedded li jirreżenja mill-kariga fil-Labour. Propju f’din il-ġimgħa li wasslet għall-attività tas-6 snin ta’ Abela bħala mexxej tal-Labour.
Intant, fid-diskors tiegħu Abela tkellem fuq kemm il-Gvern tiegħu għamel xogħol f’dan il-pajjiż – U surrealment semma’ dak li skont hu, kien l-aqwa budget fl-istorja ta’ Malta – liema budget naqas milli jindirizza l-kriżi fil-popolazzjoni u tat-traffiku fost l-ohrajn.
Apparti min hekk, Robert Abela infexx mill-ġdid f’isteriżmu u f’tentattiv ddisprat sabiex jinħabb mal-partitarji, tant li beda’ jlissen frażijiet bħal “suldati tal-azzar” u kliem negattiv ieħor li hu sinonimu mal-era tal-passat.
Fid-diskors ta’ Abela ħareġ wkoll il-paniku li ħakem il-Labour minn meta Alex Borg inħatar Kap tal-Partit Nazzjonalista – anke wara li spiċċa reġa’ jipprova jiżgwida lin-nies mill-ġdid fejn tenna li ħafna żgħażagħ huma sidien ta’ djarhom. Fatt li anke ġurnali u fact-checkers indipendenti wrew li mhux minnu.
Madanakollu Robert Abela naqas milli jirrikonoxxi ż-żieda eżorbitanti fil-prezzijiet tal-propjetà, li raw żidiet eċċessivi f’dawn l-aħħar snin ta’ Gvern Laburista.
Intant il-Prim Ministru, naqas jew konvenjentament nesa’ jitkellem dwar l-aħħar każ li ġie żvelat mill-Partit Nazzjonalista dwar kif bosta persuni qed jinnutaw kontijiet tad-dawl aktar għoljin hekk kif għal xi raġuni bosta qed joħorġu mingħajr it-tnaqqis tal-Eko-riduzzjoni.
Agħar minn hekk huwa l-fatt li l-ARMS ilha sena taf li sar żball fis-sistema tagħha, u minflok infurmat lill-konsumaturi, ħalliethom fil-għama.
Fl-aħħar nett Abela reġa’ wkoll tkarrab għal fiduċja tal-Laburisti, għal darb oħra f’għajjat isteriku…li kważi ħallih bla vuċi.
//= $special ?>
