Tul dawn l-aħħar xhur u snin fil-Floriana, ġimgħa wara oħra, qed ikun hemm aktar funerali… u magħmudiji qrib ix-xejn. U l-popolazzjoni Furjaniża qiegħda tiżvinta bil-mod il-mod… tant li issa qed ngħoddu biss madwar 1,200 persuna.
Sostna dan il-Viċi Sindku James Aaron Ellul hekk kif f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kunsill Lokali tal-Floriana appella sabiex il-Gvern jagħti widen għal kriżi demografika li qed jaffaċċja l-lokal u r-residenti tiegħu.
Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Housing li jitfakkar fil-Furjana, flimkien mal-Viċi Sindku James Aaron Ellul u l-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista Justine Vella Palmier, is-Sindku Nigel Holland insista li l-isfidi demografiċi mad-dawra tal-Port il-Kbir qed ikunu insistenti, b’żieda ta’ uffiċċji, boutique hotels u air bnbs – u tnaqqis għal kollox minn djar residenzjali. Dan għad-detriment tal-komunità li qed tiżvinta.
Holland insista li l-Gvern jeħtieġ ifassal pjan u azzjoni effettiva fost l-oħrajn permezz ta’ inċentivi u housing affordabbli – miżuri li barra minn Malta diġà qed jidħlu fis-seħħ f’pajjiżi bħal Spanja, Portugal u l-Italja.
Is-Sindku qal li l-koppji mhux jifilħu jħallsu kirjiet għoljin u jixtru proprjetajiet; u minflok qed jidħlu fil-lokalità entitajiet kummerċjali minflok koppji żgħażagħ bil-konsegwenza li l-komunità Furjaniża qed tisfuma.
Filwaqt li Nigel Holland appella għal bilanc, James Aaron Ellul insista li din mhix reazzjoni tal-mument hekk kif, hu, f’isem il-Partit Nazzjonalista, nieda dokument li wassal biex titqajjem kuxjenza u jkun hemm għarfien dwar il-kriżi demografika tal-lokal.
U ħabbar li fix-xhur li ġejjin il-Kunsill Lokali se jkun qed jorganizza konferenza nazzjonali f’dan ir-rigward.
//= $special ?>
