Il-Kanada u ċ-Ċina kkonfermaw titjib notevoli fir-relazzjonijiet bilaterali wara snin ta’ tensjoni u battibekki li kienu jaħarqu l-aktar fiż-żmien meta Justin Trudeau kien il-Prim Ministru Kanadiż.
Iżda issa… Mark Carney sar l-ewwel Mexxej Kanadiż li żar Beijing fi kważi għaxar snin – pass li qed jitqies bħala storiku.
It-titjib sinifikanti fir-relazzjonijiet ikkonfermawh il-Prim Ministru Kanadiż attwali, Mark Carney, u l-President taċ-Ċina, Xi Jinping… okkażjoni fejn huma ħabbru tnaqqis ta’ tariffi u fejn issa mistenni li ċ-Ċina tnaqqas il-levies fuq il-canola oil li tesporta bi kwantitajiet kbar mingħand il-Kanada minn 85 għal 15 fil-mija biss, sal-Ewwel ta’ Marzu.
L-iżviluppi huma partikularment notevoli għall-kummerċ bejn dawn iż-żewġ pajjiżi, bil-Kanada, min-naħa tagħha, qed taqbel biex timponi biss taxxi ta’ sitta fil-mija għall-vetturi tal-elettriku li tipproduċi ċ-Ċina… taxxa li tissimbolizza status magħruf bħala ‘most-favoured-nation rate’ u li jixhed kemm is-sitwazzjoni nbidlet minn ta’ ftit snin ilu.
Il-Kanada u ċ-Ċina, fil-fatt, ilhom is-snin jimponu t-tariffi fuq xulxin u waqt li Xi Jinping qed jgħid li l-iżviluppi jikkonvalidaw il-politika ta’ Beijing, iċ-ċirkustanzi jistgħu anki jitqiesu bħala rebħa għal Mark Carney li sar l-ewwel Mexxej Kanadiż li żar iċ-Ċina fi kważi għaxar snin.
Il-laqgħa bejn Carney u Xi Jinping hu wkoll riflessjoni tas-sitwazzjoni ġeopolitika li qed tinkwieta lil ħafna minħabba l-imprevedibbiltà tal-Istati Uniti mmexxija minn Donald Trump.
Fil-fatt, Mark Carney ilu jipprova jiddiversifika l-kummerċ ta’ pajjiżu biex il-Kanada ma tkunx daqshekk dipendenti fuq l-Istati Uniti… il-potenza li, għalissa, hi l-akbar sieħba kummerċjali ta’ Ottawa u meta l-Kanadiżi huma mħassbin ħafna dwar kif Donald Trump qed jimponi u jneħħi t-tariffi b’mod li bilkemm jinftihem.
Hu minnu wkoll li l-ftehim għandu jissarraf f’aktar investiment Ċiniż fil-Kanada – il-ġar ewlieni tal-Istati Uniti – b’Carney jidher li qed iwassal messaġġ li t-tariffi ta’ Trump spiċċaw biex ‘jimbuttaw’ lill-Kanada lejn patt kummerċjali aktar sod ma’ Beijing li hu wkoll l-akbar rivali ta’ Washington.
Mark Carney qal li t-taħditiet bejnu u Xi Jinping kienu realistiċi u rispettużi – madankollu, hu insista li l-Kanada ma taqbilx maċ-Ċina dwar kollox. Hu kompla li, fit-taħditiet li kellu ma’ Xi Jinping, għamilha ċara li pajjiżu mhux se jikkomprometti t-twemmin tiegħu dwar ir-rispett għad-drittijiet umani u lanqas mhu se jittollera ndħil fl-elezzjonijiet tal-Kanadiżi.
L-osservaturi jemmnu li ż-żjara ta’ Carney fiċ-Ċina għandha twitti t-triq għal mexxejja oħra biex jagħmlu l-istess… mexxejja li pajjiżhom qed iħossu l-impatt tqil tat-tariffi min-naħa ta’ Washington,
B’kuntrast għal dan, Xi Jinping qed jipprova juri lid-dinja li ċ-Ċina hi sieħba globali stabbli u pragmatika tal-pajjiżi u li l-politika ta’ Beijing qed tkun imfassla b’mod li jivvantaġġja lil kulħadd.
//= $special ?>

