Opinjoni

Opinjoni: 100 SENA WARA…

Mitt sena ilu, ingħalaq il-kapitolu ta’ żewg partiti li ġew f’wieħed. Ħidma, li ppermettuli nfakkar, saret b’medjazzjoni u bl-għaqal politiku ta’ missieri, Carmelo Mifsud Bonnici, Il-Gross.

Ugo Mifsud Bonnici
President Emeritu

Il-Partit Nazzjonalista twieled meta kien hawn bżonnu. Poplu żgħir fuq gżejjer żgħar f’nofs il-baħar ta’ nofs id-dinja kien ilu sekli jbati biex iservi l-interess ta’ popli oħra. Fis-seklu li għadda, iċ-ċirkostanzi ġiebu lil niesna jħossu li għandna, bħala poplu, ninsistu biex f’pajjiżna stess, l-interessi tal-poplu Malti jibdew jieħdu l-preċedenza. Konna, għal sekli twal, inservu l-interessi tal-umanità kollha. Ġieli kkuntentajna rwieħna għaliex b’hekk gawdejna wkoll. Ir-Rumani ħelsuna mill-flaġell ikbar li konna kieku nsofru taħt ġnus inqas ċivili. Il-Kavallieri ta’ San Ġwann żammewna meħlusa mill-ħruxija tal-Ottomani. Gawdejna xi ftit ukoll mill-ġid li kellu, fl-aqwa tiegħu, l-Imperu Ingliż, speċjalment meta fetħu l-Kanal ta’ Swejz, u għalhekk ġie li jaqbel li jgħaddu minn hawn flok iduru mal-Afrika t’Isfel. Servejna, iżda xi ħaġa konna nieħdu għalina wkoll. Imbagħad indunajna li flok il-loqom li kienu jħallulna, kien jaqbel li nfendu għal rasna. Il-Partit Nazzjonalista twieled biex inwarrbu s-suġġizzjoni. Meta ħadna rajna f’idejna sibna li nafu nużaw il-possibilitajiet ta’ pajjiżna, kemm għall-interessi tagħna, kif ukoll għall-interessi tal-umanità kollha aħjar minn ħaddieħor.
Il-Partit Nazzjonalista ħadem biex, għall-inqas, il-poplu Malti jinduna li pajjiżna l-aħjar li jitmexxa kien li mmexxu aħna stess, lilna nfusna. L-aħħar li kienu jaħkmuna kienu n-nies tal-Gran Britannja. Kienet l-aqwa potenza fl-Ewropa u kellha ħafna artijiet madwar id-dinja. Pajjiżna gawda, xi ftit ukoll, mill-ġid li kellhom il-Britanniċi. Iżda bata wkoll fil-gwerer tagħhom. Imbagħad wasal iż-żmien li kien jaqblilna li nfendu għal rasna. Meta ħadna rajna f’idejna bdejna nfittxu li nsibu mod kif ngħixu, fil-paċi, għal rasna. Irnexxielna nħajru lil min jiġi jżurna, u rnexxielna wkoll insibu l-mod kif ngħixu bil-ħidma ta’ niesna stess. Fiċ-ċirkostanzi li kienet waslet fihom id-dinja rnexxielna nsibu l-mod kif ngħixu bit-turiżmu. Sfruttajna l-klima, l-istorja, il-pożizzjoni ġeografika. Sibna bilanċ. Il-livelli li lħaqna wassluna li nissieħbu ma’ nazzjonijiet oħra fl-Ewropa u fil-bqija tad-dinja, f’relazzjoni ta’ paċi u skambju ta’ ġid.
Wara l-Indipendenza u l-iżvilupp ekonomiku, il-Partit Nazzjonalista ħadem biex Malta u Għawdex jgħixu fil-paċi u f’relazzjonijiet ta’ ħbiberija ma’ nazzjonijiet li jgħożżu l-istess ideali u li kienu laħqu l-aqwa livelli ta’ ċiviltà u żvilupp ekonomiku. Fl-Unjoni Ewropea, Malta sabet l-ispazju politiku u ekonomiku li ppermettielha tgħix fil-paċi u f’relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi tajba man-nazzjonijiet l-iktar żviluppati u ċivilizzati tad-dinja.
Il-bażi li fuqha nbniet l-Indipendenza u mbagħad l-ekonomija ħielsa ta’ pajjiżna kienet id-demokrazija. Il-poplu Malti bena Stat demokratiku, fejn id-drittijiet umani u fundamentali ta’ kull persuna f’Malta u Għawdex, kemm dik Maltija kif ukoll ta’ nazzjonalitajiet oħra, huma garantiti u sostnuti mhux biss mil-liġi, iżda wkoll mis-sentiment u mill-fehma popolari tal-Poplu Malti kollu kemm hu. Id-demokrazija saret tmexxi mhux biss l-istituzzjonijiet politiċi tal-pajjiż iżda wkoll l-għaqdiet soċjali. Kif jixraq lil poplu ħieles, li kien rebaħ il-Libertà u l-Indipendenza tiegħu bl-għaqda u bl-intelliġenza fit-tmexxija. Il-kapijiet tal-partiti politiċi kienu demokratiċi għaliex hekk kien jistenna minnhom is-sens demokratiku tal-poplu Malti kollu. F’dan preċiż, mitt sena ilu, ingħalaq il-kapitolu ta’ żewg partiti li ġew f’wieħed. Ħidma, li ppermettuli nfakkar, saret b’medjazzjoni u bl-għaqal politiku ta’ missieri, Carmelo Mifsud Bonnici, Il-Gross. B’mexxejja popolari u tiegħu bħala Segretarju Ġenerali nfetħet paġna politika ġdida f’dawn il-gżejjer.
Bid-difetti kollha li seta’ kellhom dawn il-politiċi, f’pajjiżna dejjem ħassew li l-poplu kien jistenna minnhom li jservuh lealment, u li, meta jispiċċa l-mandat tagħhom, jitilqu r-riedni biex jiggverna dak, jew jiggvernaw dawk, li jagħżel il-poplu fl-elezzjonijiet demokratiċi. Il-mexxejja magħżula f’elezzjonijiet, aktarx kom-battuti, dejjem ħassew id-dmir li jitilqu mill-poter malli kien jiskadi ż-żmien fdat lilhom mill-poplu. Il-mexxejja kariżmatiċi rrispettaw il-fiduċja demokratika u meta skada l-mandat elettorali tagħhom irrispettaw, kif mistenni minnhom, il-Kostituzzjoni. Il-mexxejja demokratiċi u mimlija rġulija, dawk bħalma ċertament kienu Sir Ugo Mifsud, Ġorġ Borg Olivier u Eddie Fenech Adami, li dejjem imxew ta’ ġentlomi u rrispettaw lill-poplu u l-liġijiet tal-pajjiż. Kienu f’mitt sena dawn il-bnedmin li ma ħallewx il-maġġoranzi popolari jittantawhom f’toroq antidemokratiċi. Il-poplu Malti, kollu kemm hu, hekk stenna minnhom u huma, lealment, hekk għamlu.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa  16  ta’ Jannar, 2026.