Opinjoni

Opinjoni: Daqt jiġġarraf is-sies li jinsab fuqu t-Torri ta’ Kenuna

Tkun ħasra kbira kemm-il darba l-awtoritajiet konċernati ma jindirizzawx il-ħsarat li qed iġarrab it-Torri ta’ Kenuna
It-Torri ta’ Kenuna fin-Nadur, Għawdex, hu bla dubju monument mill-aktar importanti... iżda llum jinsab fil-periklu li jiġġarraf u kemm-il darba jiġri hekk tkun tassew ta’ ħasra kbira

Luke Said
Kandidat
Partit Nazzjonalista

It-Torri ta’ Kenuna jinsab fix-xifer tan-Nadur u joffri veduti kważi panoramiċi mill-isbaħ ta’ Għawdex.
Inbena fl-1848 mill-awtoritajiet Ingliżi u huwa wieħed mit-tliet semaphore towers ta’ Malta, l-uniku wieħed li jinsab f’Għawdex.
Oriġinarjament, it-torri kien parti minn network ta’ komunikazzjoni viżiva li kien jgħaqqad lil Għawdex ma’ Malta u lil hinn. Qabel il-mezzi ta’ komunikazzjoni moderni, allura, it-Torri ta’ Kenuna kien indispensabbli għas-sorveljanza marittima u l-komunikazzjoni militari tas-seklu 19.

Minn post militari għal spazju pubbliku
Mal-mixja taż-żmien, it-Torri ta’ Kenuna xorta waħda baqa’ jaqdi funzjonijiet importanti fis-soċjetà. Wara xogħlijiet ta’ restawr li tlestew fl-2005, it-torri ġie adattat biex jakkomoda antenni ta’ komunikazzjoni, li għadhom jitħaddmu sal-lum. Il-ħolqien ta’ ġnien botaniku madwar is-sit biddel iż-żona f’post miftuħ għall-pubbliku.
Għalhekk, mal-veduti panoramiċi li joffri t-Torri, insibu wkoll valur edukattiv u rikreattiv. It-Torri mhuwiex biss momment storiku u militari, imma issa sar ukoll monument ħaj għall-ħajja kulturali u ċivika.

Il-periklu ġeoloġiku taħt l-istruttura
Illum, l-isfida ewlenija li qed jaffaċċja t-torri mhix storika, iżda ġeoloġika. L-istruttura tinsab mibnija fuq il-blat ta’ Qawwi ta’ Fuq, saff ta’ blat magħruf għas-saħħa tiegħu, iżda li jista’ jsir instabbli maż-żmien meta jiġi espost għall-elementi.
Proċessi naturali bħad-dħul tal-ilma, l-erożjoni mir-riħ u l-moviment tal-massa kkawżat mill-gravità qed idgħajfu l-wiċċ tal-blat. F’Ta’ Kenuna dan kollu wassal għal xquq, qtugħ ta’ saffi mill-blat u riskju ta’ kollass, li kulma jmur qiegħed jikber.

Għeluq pubbliku wara sinjali ċarita’ deterjorazzjoni
F’Marzu tal-2025, wara li ħarġu sinjali viżibbli ta’ deterjorazzjoni, qam tħassib serju dwar is-sigurtà strutturali tal-post. Dan kollu wassal biex it-Torri ta’ Ta’ Kenuna u l-ġnien botaniku tiegħu jingħalqu għall-pubbliku.
Id-deċiżjoni għaqlija ttieħdet mill-kunsill lokali bil-għan li tiġi protetta s-sigurtà taċ-ċittadini. Madankollu, l-għeluq uriena wkoll kemm hi serja s-sitwazzjoni: is-sies li fuqu jinsab wieħed mill-aktar monumenti magħrufa ta’ Għawdex qed jitfarrak, u qed jonqos il-ħin biex insalvawh.

Progress limitat lejn soluzzjoni konkreta
Din l-urġenza kollha sfortunatament mhix taffettwa l-progress lejn soluzzjoni konkreta. F’Awwissu tal-2025, kważi nofs sena wara l-għeluq, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ħareġ sejħa ġenerali għat-tenders għal servizzi ta’ inġinerija strutturali madwar Għawdex.
Din is-sejħa kienet ġenerali, u allura, ma kinitx speċifika għal Ta’ Kenuna u lanqas indirizzat direttament ir-riskji immedjati tat-Torri. Dan iqajjem tħassib serju li l-ħsara tista’ tkompli tiżdied waqt li l-proċeduri amministrattivi jieħdu l-ħin (twil) tagħhom!

Soluzzjonijiet li jaħdmu, diġà għandna
L-istabbilizzazzjoni ta’ strutturi storiċi mibnija fuq blat instabbli, mhijiex sfida ġdida f’Malta. Interventi simili twettqu b’suċċess f’postijiet bħall-Imdina, il-Belt Valletta u ċ-Ċittadella f’Għawdex. Dawn normalment jinvolvu t-tisħiħ tal-blat instabbli permezz ta’ rock bolts, ankri u sistemi rinfurzati li jgħaqqdu l-wiċċ tal-blat ma’ saffi aktar stabbli, filwaqt li jħarsu l-valur storiku tas-siti.
Dawn il-metodi huma prattika stabbilita fl-inġinerija tal-konservazzjoni u jintużaw b’mod mifrux f’bliet storiċi madwar l-Ewropa.

Ma nħallux iż-żmien jiddeċiedi għalina
Dak li jonqosna f’dan il-każ mhux l-għarfien tekniku jew l-eżempji ta’ suċċess, iżda ż-żmien. L-erożjoni kontinwa qed iżżid ir-riskju ta’ ħsara irriversibbli jew li biċċa mit-tori taqa’, b’konsegwenzi serji għas-sigurtà pubblika u spejjeż ferm għolja ta’ restawr, u saħansitra nistgħu naslu li nitilfu monument storiku bħal ma hu t-Torri għal dejjem.
It-Torri ta’ Ta’ Kenuna huwa parti essenzjali mill-istorja militari, kulturali u arkitettonika ta’ Għawdex. Il-preservazzjoni tiegħu tiddependi biss fuq azzjoni f’waqtha, azzjoni li tgħaqqad il-proċedura meħtieġa mal-urġenza tas-sitwazzjoni.
F’dan il-każ, id-dewmien iġib miegħu riskji wisq serji, u għalhekk l-impenn biex isiru xogħlijiet ta’ stabbilizzazzjoni fi żmien qasir huwa kruċjali biex dan il-monument jirtuh il-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 11 ta’ Jannar, 2026