Opinjoni

Opinjoni: It-tielet l-inqas li nonfqu fl-UE għas-saħħa

Il-Eurostat, l-Uffiċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, ippubblika ċifri għall-2023 dwar in-nefqa fuq is-saħħa fost il-pajjiżi tal-UE bħala perċentwali tal-Prodott Domestiku Gross. F’din l-istatistika pajjiżna jinsab it-tielet mill-aħħar. Warajna hemm biss l-Ungerija u r-Rumanija. Skont dawn iċ-ċifri pajjiżna jonfoq biss 5.1% tal-ġid nazzjonali għas-saħħa. L-iktar li jonfqu huma Franza u r-Repubblika Ċeka bi 8.9%. Il-medja tan-nefqa fuq is-saħħa fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hija ta’ 7.3%, filwaqt li fiz-zona ewro hija ta’ 7.4%. Meta naraw fejn marret din in-nefqa ta’ pajjiżna nsibu li 0.8% marret fuq prodotti mediċi, apparat u tagħmir, 0.9% fuq servizzi għall-‘outpatients’, 2.8% fuq servizzi tal-isptarijiet, 0.3% fuq servizzi ta’ saħħa pubblika, 0.1% fuq riċerka u żvilupp fil-qasam tas-saħħa u 0.3% fuq infiq relatat għas-saħħa li mhux klassifikat.

Joe M. Zahra


Is-settur tas-saħħa fl-aħħar tlettax-il sena ta’ Gvern Laburista mar il-baħar. Dan seħħ għal diversi raġunijiet fosthom:
Il-bejgħ skandaluż u frawdolenti tat-tliet sptarijiet San Luqa, Karen Grech u dak ġenerali ta’ Għawdex, l-ewwel lil Vitals u wara lil Steward, li l-istess Gvern quddiem l-Arbitraġġ Intenazzjonali talab €480 miljun f’danni. Flus li minnhom mhux talli ma ħa xejn anzi spiċċa jrid jagħti lura lil Steward €4.8 miljun, minbarra li nefaq €10 miljun fi spejjeż legali għal dan l-arbitraġġ.
Iż-żieda bla rażan fil-popolazzjoni fejn il-Gvern bena l-ekonomija ta’ pajjiżna fuq l-importazzjoni ta’ ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea li darba f’Malta u Għawdex iridu l-kura daqsna.
In-nuqqas ta’ nfiq fil-qasam tas-saħħa fejn spiċċajna t-tielet l-inqas pajjiż li jonfoq għal dan is-settur fost is-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.
Illum tmur l-Emerġenza taf x’ħin tidħol iżda ma tafx x’ħin se toħroġ. Tista’ tagħmel tistenna tnax-il siegħa, jew iktar! Jistgħu jarawk it-tobba u mbagħad jekk ikollok bżonn tibqa’ l-Isptar għall-kura tagħmel sigħat fil-kuriduri tistenna li jsibulek sodda. Illum ikollok bżonn intervent ma tafx kemm se ddum biex tinqeda. Min għandu l-flus imur fi sptar privat. Min m’għandux jibqa’ jistenna!

Wegħdi mhux miżmuma
Kien hemm diversi wegħdi li għamlu Vitals u Steward li minnhom ma żammew l-ebda waħda. Wegħdu li jirranġaw u jimmodernizzaw l-Isptar San Luqa u jibdluh fi sptar modern fejn inkunu nistgħu nattiraw turisti li jiġu f’pajjiżna għall-kura. Dan l-isptar mhux talli ma ġiex modernizzat, iżda llum qed jaqa’ biċċiet bi twieqi u bibien imkissra u b’telqa’ kbira ma’ kullimkien.
Wegħdu li se jirriabilitaw u jimmodernizza l-Isptar Karen Grech, iżda dan ukoll tħalla jaqa’ litterament biċċiet. Il-Gvern issa jrid jara kif se jirranġa dan l-isptar fejn anki hemm partijiet minnu li m’għadhomx aktar tajbin biex jilqgħu lill-pazjenti.
L-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex tant mhux ilaħħaq li kellhom jitpoġġew kontejners barra l-bini biex minnhom jagħtu ċertu servizzi.
Quddiem dan kollu fi tlettax-il sena, il-Gvern Laburista m’għamel xejn ħlief Ċentru tas-Saħħa f’Raħal Ġdid, li fl-aħħar fetaħ fost posponimenti wieħed wara l-ieħor. Allaħares ma kienx l-Isptar Mater Dei, li nbena minn Gvernijiet Nazzjonalisti. Biss anki dan illum m’għadux ilaħħaq mal-ħtiġiet tal-pajjiż u għalhekk diversi kuriduri nbidlu fi swali.
Fl-istess waqt hemm professjonisti, infermieri u impjegati oħra li qed jaħdmu iktar sigħat milli jifilħu. Mhux xi ħaġa pożittiva għas-settur tas-saħħa!
Sptar ieħor li bena Gvern Nazzjonalista huwa l-Isptar Sir Anthony Mamo għall-Kura tal-Onkoloġija. Lanqas dan ma jidher li qed ilaħħaq mal-pazjenti li ta’ kuljum qed jintbagħtu fih. L-Isptar Monte Carmeli għall-kura mentali jrid jew jinbena wieħed minfloku, kif kien wiegħed il-Gvern Laburista, jew jiġi modernizzat, iżda minn dan kollu ma sar xejn.
Kif ma sar xejn għal dipartiment ġdid tal-emerġenza biex jilħaq mad-domanda li jkollu kuljum. Għal espansjoni u l-iżvilupp ta’ dan id-dipartiment ta’ emerġenza l-Gvern ħareġ offerta ta’ €80 miljun li għalqet fil-14 ta’ Frar tas-sena l-oħra.
Din l-offerta kienet kanċellata mill-Gvern wara li rċieva offerta waħda ta’ €135.5 miljun, madwar 70% iktar għolja minn dik li kienet maħsuba. L-offerta kienet deskritta bħala mhux ekonomikament fattibbli. U sadanittant il-pajjiż baqa’ bla Dipartiment tal-Emerġenza li ma jlaħħaqx mal-ħtiġiet ta’ popolazzjoni ta’ qrib is-600,000!
Kif baqa’ bla sptar ġdid f’Għawdex, bla sptar ieħor f’Malta, bla sptar ġdid għas-saħħa mentali, bħala ‘hub’ bħal dak ta’ Raħal Ġdid fit-Tramuntana tal-pajjiż, u bla tant servizzi oħrajn għall-qasam tas-saħħa. Ma’ dan kollu l-Gvern Laburista minflok jonfoq iktar għall-qasam tas-saħħa mhux jonfoq biżżejjed, tant li għandna t-tielet l-inqas nefqa għal dan is-settur fl-Unjoni Ewropea.

Il-PN iwettaq dak li jwiegħed
Il-Partit Nazzjonalista dejjem wettaq dak li wiegħed. Kien wiegħed lill-Għawdxin sptar ġenerali u dan il-proġett twettaq mill-Gvern ta’ Borg Olivier fis-snin sittin u sebgħin tas-seklu l-ieħor.
Wiegħed sptar modern f’Malta u l-Isptar Mater Dei nbena mill-Gvern ta’ Eddie Fenech Adami, fejn meta tlesta tfisser bħal ‘state of the art’ b’dak kollu li jeħtieġ sptar modern. Illum dan m’għadux ilaħħaq mal-ħtiġiet tal-pajjiż, iżda allaħares ma kellniex lilu għaliex kieku ninsabu ħafna agħar milli aħna llum.
Il-Partit Nazzjonalista wiegħed sptar tal-onkoloġija. Dan twettaq mill-Gvern ta’ Lawrence Gonzi, li bena l-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.
Issa l-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed li mill-Gvern jibni sptar ġenerali ġdid f’Għawdex u ieħor f’Malta, li jara li dak kollu li għandu x’jaqsam mas-servizzi tas-saħħa, mill-infrastruttura sal-professjonisti u ħaddiema f’dan is-settur, jingħata.
Il-Partit Nazzjonalista dak li jwiegħed iwettqu. Dan jista’ biss iwettqu jekk ikun fil-Gvern. Għaliex huwa biss mill-Gvern li jista’ jwettaq dak li ħaddieħor wara tlettax-il sena ma għamilx.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa  16  ta’ Jannnar, 2026.