Annabelle Cilia
Kandidata
Partit Nazzjonalista
Hawn madwarna wħud li għandhom anke tliet impiegi. U dan mhux b’xi pjaċir. L-ammont ta’ sigħat li jaħdmu huwa inkredibbli. Minkejja dan kollu, xorta jħossu li dak li qed jagħmlu mhux biżżejjed u l-pressjoni fuqhom u fuq ta’ madwarhom dejjem tikber.
Din mhix esperjenza iżolata, imma realtà ta’ kuljum għal ħafna familji Maltin u Għawdxin. Għalhekk nemmen li l-politika trid tinbena fuq l-esperjenzi rejali tan-nies u l-familji.
L-importanza tal-bilanċ għal kwalità ta’ ħajja aħjar
Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja m’għandux jibqa’ biss kliem sabiħ. Meta l-ħin mal-familja jsir sekondarju u l-għejja ssir normali, inkunu qed nitilfu xi ħaġa fundamentali.
Mudelli ta’ xogħol aktar flessibbli, rispett lejn il-ħajja privata u appoġġ reali għall-ġenituri huma essenzjali jekk irridu soċjetà aktar stabbli u b’saħħitha.
Ix-xogħol għandu jagħti dinjità u sigurtà. Pagi ġusti, kundizzjonijiet xierqa u ambjenti tax-xogħol sikuri mhumiex privileġġ, imma dritt. Meta l-ħaddiema jħossuhom injorati jew mhux protetti, tintilef il-fiduċja fil-politika u fl-istituzzjonijiet. Soċjetà li tirrispetta lill-ħaddiem tagħha hija soċjetà li tħares ’il quddiem.
Fl-istess ħin, irridu nkunu onesti u nitkellmu b’mod ċar dwar dak li qed jiġri madwarna. Ma nistgħux niftaħru b’ekonomija b’saħħitha u l-faqar madwarna qed jiżdied. Ma nistgħux niftaħru b’kemm hawn nies jaħdmu u l-ammont ta’ nies li jorqdu barra u n-nies li jieklu mis-soup kitchens dejjem jiżdiedu. Ma nistgħux niftaħru kemm il-familji qed jaqilgħu flus imma fl-istess ħin iridu jħallu t-tfal jitrabbew minn ħaddieħor.
Il-ġlieda kontra l-faqar tibqa’ fuq l-aġenda għax ħadd m’għandu jgħix b’mod mhux diċenti
Il-ġlieda kontra l-faqar tibqa’ prijorità morali, iżda hemm eluf ta’ familji li mhumiex foqra u xorta qed iġorru piżijiet kbar. Għalkemm illum f’pajjiżna hawn ftit li rnexxielhom isiru sinjuri, hawn ħafna li baqgħu fl-istess livell.
Il-maġġoranza tan-nies qed tħoss pressjoni kontinwa mill-għoli tal-ħajja, mill-edukazzjoni tat-tfal u mill-inċertezza tal-futur. Dawn huma nies li jaspiraw, li jaħdmu u li jridu stabbiltà, mhux karità. Il-politika trid terġa’ titkellem il-lingwa tagħhom u tifhem it-tħassib tagħhom.
Ma nistgħux nibqgħu noffru l-medjokrità.
Bħala politiċi rridu noffru bażi tajba biex iż-żgħażagħ tagħna jkollhom futur interessanti f’pajjiżna stess u mhux ‘il boghod minn xtutna, b’impiegi li jħallsu tajjeb u jagħtu sodisfazzjon. U mhux nikkuntentaw b’impiegi medjokri! Irridu nkunu kapaċi noffru u nagħtu spazju sabiex wara l-ġurnata tax-xogħol, nimirħu f’attivitajiet oħra li jagħmlu lill-bniedem kuntent.
Pilastru essenzjali għandha tkun il-kultura tal-apprezzament uman
Nemmen bis-sħiħ li l-kultura tagħna tibqa’ pilastru essenzjali tal-identità Maltija. Hija mezz kif inġibu n-nies flimkien u kif nibnu sens ta’ appartenenza. Investiment fil-kultura jfisser komunitajiet aktar magħqudin u soċjetà aktar umana.
Ma nistgħux ninsew lanqas il-volontarjat, li jirrifletti l-aqwa wiċċ ta’ pajjiżna. Nies li jagħtu ħinhom biex jgħinu lil ħaddieħor huma prova li s-solidarjetà għadha teżisti. Nies li ma jippretendu xejn lura. Politika serja għandha tappoġġja dan l-impenn u tagħtih il-valur li jistħoqqlu u mhux nagħmlu minn kollox sabiex inxekklu l-volontarjat. U dan jibda mill-iskejjel tagħna.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-kwalità tal-ħajja titkejjel ukoll bil-benesseri u s-saħħa mentali. Soċjetà li tisma’, tifhem u tappoġġja lin-nies tagħha hija soċjetà aktar ġusta u reżiljenti.
Din hi l-viżjoni li nemmen fiha: politika li terġa’ tqiegħed lin-nies fiċ-ċentru u li toffri direzzjoni ċara għal futur aħjar. Din hija tama ġdida għalik — futur li nistgħu nibnuh flimkien.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 11 ta’ Jannar, 2026
//= $special ?>

