Lokali

Taħwida tal-ARMS tissarraf f’kontijiet tad-dawl aktar għoljin għax mhix qed titnaqqas l-Eko-riduzzjoni – PN

L-inġustizzji u l-inkompetenza li hemm fl-ARMS frott id-deċiżjonijiet tal-Ministru Miriam Dalli, wasslu għal froġa li qed iħallsu għaliha l-konsumaturi

Bosta persuni qed jinnutaw kontijiet tad-dawl aktar għoljin hekk kif għal xi raġuni bosta kontijiet qed joħorġu mingħajr it-tnaqqis tal-Eko-riduzzjoni. Agħar minn hekk huwa l-fatt li l-ARMS ilha sena taf li sar żball fis-sistema tagħha, u minflok infurmat lill-konsumaturi, ħalliethom fil-għama. Minħabba f’hekk mijiet, jekk mhux eluf ta’ familji ilhom jitilfu l-Eko-riduzzjoni għal mill-inqas sena, u l-ARMS qed tirranġa biss il-kontijiet ta’ min jilmenta mingħajr ma tagħtih lura dak li kien ħallas żejjed fil-kontijiet li laħqu ħarġu qabel ma induna.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma Mark Anthony Sammut u x-Shadow Minister għall-Inklużjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur Graziella Galea qalu li għal din l-aħħar sena jew aktar, numru ta’ kontijiet tad-dawl residenzjali bdew joħorġu mingħajr it-tnaqqis tal-Eco-reduction (ara eżempji mehmużin). Dan ifisser li hemm min suppost qed jikkwalifika għal Eco-reduction, li hi skont ta’ 25% għal min ma jaħlix dawl b’mod eċċessiv, u qed jitlef dan il-benefiċċju minħabba dan l-iżball fis-sistema tal-ARMS.

L-ARMS ilha infurmata b’din is-sitwazzjoni tal-inqas minn Frar 2025, kif jikkonfermaw emails interni li l-Partit Nazzjonalista għandu f’idejh. Madanakollu l-ARMS fl-ebda ħin ma ħarġet avviżi biex tinforma lill-pubbliku dwar dan u tara li kulħadd qed jirċievi t-tnaqqis li suppost jieħu bl-Eko-riduzzjoni. Minflok, qed jiġi rranġat fis-sistema biss min jilmenta.

Ix-Shadow Ministers tal-Partit Nazzjonalista appellaw lill-konsumaturi biex jiċċekkjaw il-kontijiet residenzjali, fejn hemm tal-inqas persuna waħda reġistrata, u jaraw li fil-kont tidher il-linja tal-Eko-riduzzjoni.

Huma qalu li dan it-taħwid fil-kontijiet jirrifletti t-taħwid li għaddej fl-ARMS. Taħwid li rriżulta minħabba sensiela ta’ promozzjonijiet lil tal-qalba u li ħolqu inġustizzji kbar. Dan wassal biex kien hemm sensiela ta’ riżenji ta’ nies kompetenti, li wassal biex l-ARMS illum tinsab fi stat tal-biki.

L-uffiċjali tal-ARMS li wettqu dawn l-inġustizzji jinkludu ċ-Chairperson tan-Nisa Laburisti Nikita Zammit Alamango, it-Teżorier tal-Partit Laburista Marisa Ciappara, Ray Falzon – membru fl-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, u persuna oħra li qed tmexxi l-uffiċċju tar-Riżorsi Umani u li ddaħħlet f’din il-pożizzjoni ta’ tmexxija tal-ARMS dritt mill-Uffiċċju tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Tlieta minn dawn l-erbgħa mhux biss huma attivisti Laburisti imma saħanistra uffiċjali fl-Eżekuttiv tal-Labour.

Dawn l-abbużi – li twettqu minn bord li jixbah aktar lil xi bord tal-Parit Laburista milli ta’ entità pubblika – wassal biex mas-70 persuna fetħu appell għax ħassew li kienet twettqet inġustizzja magħhom. Minn dawn, 60 ingħataw raġun.

It-taħwid fi ħdan l-ARMS tant kien gravi li wassal biex fl-aħħar ġimgħat irriżenjaw numru ta’ ħaddiema – inkluż ħaddiema bi twemmin Laburista – għax ma jaqblux mal-mod kif qed titmexxa din l-entità, b’mod partikolari mill-Kap Eżekuttiv George Azzopardi li sa ftit snin ilu wkoll kien Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista.

Il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li minkejja li l-Ministru Miriam Dalli, li hi responsabbli mill-ARMS, taf bit-taħwid kollu li għaddej fl-ARMS, baqgħet b’idha fuq żaqqha u m’għamlet assolutament xejn biex tipprova tirranġa s-sitwazzjoni.

Waqt li l-ħaddiema komuni jbatu l-inġustizzji, dawk tal-qalba jgawdu l-benefiċċji, u l-konsumaturi jħallsu għall-iżbalji riżultat tal-kaos li hemm fl-ARMS.

Mark Anthony Sammut u Graziella Galea qalu li l-ARMS għandha minnufih tgħid kemm kienu l-kontijiet effettwati mill-iżball tal-Eko-riduzzjoni u toffri rimedju immedjat għal dan.

Min-naħa tagħha, il-Ministru għandha tkun trasparenti u tgħid kemm ilha taf b’dan it-taħwid fil-kontijiet, min ser jerfa’ r-responsabbiltà għall-ħabi dwar dan it-taħwid, u meta se timplimenta l-Istandard Operating Procedures li ġew suġġeriti mill-Bord tal-Appelli li l-Gvern stess kien waqqaf.