María Corina Machado, is-simbolu tal-Oppożizzjoni fil-Veneżwela, issorprendiet lil kulħadd meta hi preżentat il-midalja tal-Premju Nobel għall-Paċi lill-President Amerikan Donald Trump … Preżentazzjoni li saret waqt laqgħa fil-White House ta’ Washington.
B’hekk, Machado, li rebħet l-unur is-sena l-oħra, qajjmet mewġa ta’ kontroversja u kritika minħabba li l-unur mhux trasferibbli u li hi, b’din l-azzjoni, iddisrispettat il-valur tal-midalja.
Intant, Machado qalet li għaddiet il-Premju għall-Paċi lil Trump b’rikonoxximent għall-impenji tiegħu favur Veneżwela ħielsa.
Dan wara li hi ltaqgħet għall-ewwel darba ma’ Trump, ftit ġimgħat wara li l-qawwiet Amerikani marru f’Karakas biex jaħtfu lill-President Veneżwelan Nicolas Maduro u lil martu.
Maduro, li qed jinżamm taħt arrest fl-Istati Uniti, issa qed jiffaċċja numru ta’ akkużi, fosthom dwar it-traffikar tad-droga.
Fl-aħħar sigħat, Donald Trump bagħat messaġġ fuq il-media soċjali fejn qal li l-ġest ta’ Machado kien jixhed rispett reċiproku ….Dan ukoll waqt li l-Kumitat tan-Nobel fin-Norveġja wera d-disapprovazzjoni tiegħu filwaqt li insista mill-ġdid lil-premju prestiġjuż ma jistax jingħadda minn persuna għall-oħra.
Hu minnu wkoll li l-President tal-Istati Uniti għadu ma appoġġjax bil-miftuħ l-għażla ta’ Machado bħala l-Mexxejja ġdida tal-Veneżwela – u minkejja li l-moviment politiku tagħha qed jinsisti li rebaħ l-elezzjonijiet polemikużi tal-2024 għall-Veneżwelani.
Minflok, Donald Trump, fil-preżent, qed jittratta ma’ Delcy Rodriguez , l-Aġent Kap ta’ Stat fil-Veneżwela u l-eks-Viċi-President ta’ pajjiżha.
//= $special ?>

