Futbol Sport

Teddy Teuma jissieħeb lil Standard Liege u jirritorna fil-Belgian Pro League

Ritratt: Standard Liege

L-internazzjonali Malti Teddy Teuma issieħeb lil Standard Liege biex irritorna fil-Belgian Pro League.

Dan wara li ttermina il-kuntratt tiegħu ma’ Stade Reims, club fil-League 2 fi Franza, hekk kif il-club Franċiż jinsab f’pożizzjoni finanzjarja prekarja, u kien qed iħares li jneħħi l-plejers li għandhom l-aktar pagi għoljin, fosthom Teddy Teuma.

Il-midfielder ta’ 32 sena issieħeb lil Standard Liege sa tmiem l-istaġun, biex b’hekk se jirritorna fil-Belġju wara l-esperjenza impekkabli li kellu ma’ Union St.Gilloise, f’dan l-istess kampjonat.

Ritratti: Standard Liege

Fiż-żmien li għamel ma’ Union, Teuma kien fost l-aqwa midfielders fil-Belġju fejn lagħab 164 partita bejn l-2019 u l-2023 u skorja 30 gowl.

Matul dan iż-żmien Teuma għin lil Union St.Gilloise ikunu promossi għal Kampjonat ewlieni tal-Belġju, b’Teddy Teuma jitlaq ftit qabel ma rebħu t-trofew domestiku u l-kampjonat fl-2024 u 2025 rispettivament.

Ma’ Reims, Teuma lagħab 69 partita fejn skorja 14-il gowl, b’sitt gowls minnhom jaslu dan l-istaġun.

Mat-tim nazzjonali Malti, Teddy Teuma lagħab 48 partita u skorja ħames gowls.