Futbol Sport

Bidliet minn Daniel Portela fit-tieni taqsima, iwittu t-triq għal rebħa Furjaniża

Ritratt ta' Joseph Galea
Ritratt ta' Joseph Galea

Malta Premier – Closing Round, match day 17

Floriana…..3

Naxxar Lions…..1

Floriana fetħu l-Closing Round b’rebħa ta’ 3-1 kontra Naxxar Lions, biex irritornaw jirbħu fil-Malta Premier wara li kienu tilfu u ġew draw fl-aħħar żewġ partiti li lagħbu fit-tmiem tal-Opening Round.

Kienu Naxxar Lions li fetħu l-iskor l-ewwel fil-partita, meta appena ħames minuti logħob Joao Victor ħasad lill-avversarji b’konkluzzjoni li għelbet lill-gowlkeeper Guilherme Cioletti għal skor parzjali ta’ 1-0.

Bl-ewwel taqsima tintemm bl-iskwadra ta’ Winston Muscat fil-vantaġġ, fit-tieni 45 minuta, Floriana mal-ewwel wetqu bidla importanti, meta daħal jilgħab Jake Grech minflok l-Arġentin Gonzalo Gamarra. Din il-bidla mal-ewwel kienet effettiva, tant li fit-48 minuta, l-internazzjonali Malti, Grech skorja l-gowl tad-draw.

Disa’ minuti wara, l-attakkant Bożnijak, Kenan Dervisagic, li kien qed jibda għall-ewwel darba mal-ewwel ħdax ta’ Floriana dan l-istaġun, xeħet lit-tim tiegħu fil-vantaġġ biex il-greens dawwru l-logħba favur tagħhom f’temp ta’ ftit minuti mil-ftuħ tat-tieni taqsima.

B’14-il minuta mit-tmiem tal-logħba, il-bidliet li wettaq il-kowċ Portugiz ta’ Floriana, Daniel Portela komplew ikunu effettivi meta Rui Areias, li daħal bħala sostitut  wara nofs siegħa logħob mil-bidu tal-konfront, għalaq il-partita bit-tielet gowl ta’ Floriana f’dan il-konfront għal skor finali ta’ 3-1.

Referee | Daniel Casha

Plejer tal-logħba | Jake Grech (Floriana)