Futbol Internazzjonali Sport

‘Il-Guli’ iwitti t-triq għal rebħa oħra Ħamruniża, fir-ritorn tiegħu

Matthew Guillaumier jiċċelebra l-ewwel gowl mar-ritorn tiegħu ma' Ħamrun Spartans
Matthew Guillaumier jiċċelebra l-ewwel gowl mar-ritorn tiegħu ma' Ħamrun Spartans

Malta Premier – Closing Round, match day 17

Ħamrun Spartans…..2

Tarxien Rainbows…..1

Ir-rebbieħa tal-Opening Round għal dan l-istaġun, Ħamrun Spartans komplew fejn ħallew ġimgħa llu, u fl-ewwel logħba tal-Closing Round tal-Malta Premier, huma għelbu lil Tarxien Rainbows 2-1.

Għaċ-champions Maltin, din kienet l-ewwel logħba tal-akkwist il-ġdid tagħhom l-internazzjonali Malti, Matthew Guillaumier li rritorna jilgħab fil-Kampjonat lokali bil-kbir, meta skorja wieħed mil-gowls fir-rebħa Ħamruniża.

Fl-ewwel rawnd, ir-Rainbows, taħt it-tmexxija ta’ Jacques Scerri, kienu żammew lil Ħamrun Spartans fi draw ta’ 1-1. Din id-darba Tarxien Rainbows, li matul dan ix-xahar qed jaħdmu biex isaħħu l-iskwadra tagħhom, b’numru ta’ plejers barranin ġodda, reġgħu taw sfida iebsa lill-Ispartans.

Bil-kowċ Giacomo Modica ta’ Ħamrun Spartans, għażel li jibda bil-goalkeeper Celio Da Paz minflok Henry Bonello, bejn il-lasti u bl-aħħar żewġ akkwisti ġodda tat-tim, it-Taljan Danilo Bulevardi u Matthew Guillaumier, inklużi fl-ewwel ħdax tat-tim għal din il-partita, Ħamrun Spartans marru fil-vantaġġ ftit qabel il-mistrieħ.

Fl-44 minuta, Guillaumier tefa’ lill-partitarji Ħamruniżi f’atmosfera ta’ ferħ meta skorja l-gowl tal-vantaġġ, eżatt qabel it-timijiet daħlu jistrieħu fit-tmiem tal-ewwel taqsima.

Fil-61 minuta, Modica daħħal jilgħab lil Jonny Robert, u l-Brażiljan għal darb’oħra reġa’ ikkonferma lilu nnifsu bħala l-aqwa super sub tal-mument, meta minuta wara li daħal jilgħab skorja l-gowl tat-2-0.

Ir-reazzjoni ta’ Tarxien Rainbows kienet istantanja, meta naqqsu l-iskor b’konkluzzjoni tad-debuttat, Anthony Lokosa, attakkant Niġerjan ta’ 28 sena, li għeleb lil gowlkeeper avversarju ħames minuti biss wara l-gowl ta’ Jonny Robert.

Bl-iskor 2-1, Ħamrun Spartans ikkontrollaw il-partita u r-riżultat, b’vantaġġ ta’ gowl waħdini biex sat-tmiem tal-partita l-iskor baqa’ l-istess u ċ-champions tal-Kampjonat f’Malta għal dawn l-aħħar tliet snin konsekuttivi, estendew il-mument tajjeb tagħhom bla telf għal aktar partiti.

Plejer tal-logħba | Joseph Mbong (Ħamrun Spartans)

Referee | Eman Grech