Ewropa Lokali

Il-MEP Peter Agius jipproponi bidliet fid-Direttiva tal-UE dwar il-VRT sabiex jiġu kkunsidrati d-dilettanti tal-karozzi klassiċi

Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li tirrevedi d-Direttiva attwali tal-Unjoni Ewropea dwar l-idoneità tat-toroq u t-testijiet tal-VRT, sabiex tinkludi testijiet obbligatorji annwali tal-vetturi, aktar skrutinju fuq l-emissjonijiet u fuq vetturi vintage u klassiċi, kif ukoll monitoraġġ regolari tal-odometri tal-vetturi, inkluż minn garaxxijiet żgħar mekkaniċi u elettriċi.

Din il-ġimgħa, l-MEP f’isem il-Partit Nazzjonalista Peter Agius ressaq ħames emendi bil-miktub fil-Kumitat tat-Trasport tal-Parlament Ewropew dwar id-Direttiva proposta, li bihom qed jipproponi li t-test tal-VRT jibqa’ jsir kull sentejn u li jiġi estiż għal test annwali biss skont id-deċiżjoni tal-Istati Membri, abbażi tal-użu tal-vettura.

Il-MEP Peter Agius qal:

“Nisimgħu bosta politiċi jikkundannaw ‘a one-size-fits-all Europe’. Hawnhekk proprju rridu ngħaddu mill-kliem għall-azzjoni. L-użu tal-karozzi jvarja ħafna bejn Stat Membru u ieħor. M’għandniex għalfejn narmonizzaw dak li, min-natura tiegħu, huwa differenti. F’Malta, ħafna nies jużaw il-karozza tagħhom għal ħafna inqas kilometri milli f’pajjiżi akbar. M’għandniex nimponu testijiet annwali tal-VRT, testijiet aktar rigorużi u spejjeż addizzjonali fejn dawn mhumiex strettament ġustifikati.”

Agius jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-Ewropa tirrikonoxxi d-dedikazzjoni tad-dilettanti tal-karozzi vintage u klassiċi, filwaqt li jissottolinja li dawn il-vetturi jirrappreżentaw “il-wirt u l-legat impressjonanti tal-industrija Ewropea tal-karozzi, bħala xhieda ta’ storja ta’ eċċellenza u avvanz teknoloġiku li qed tevolvi”. Fl-emendi tiegħu, Agius jenfasizza li dawn il-kategoriji ta’ vetturi għandhom jiġu definiti skont ir-regoli stabbiliti fil-livell tal-Istati Membri u m’għandhomx jiġu rregolati permezz ta’ Direttivi tal-UE.

“Matul l-aħħar xhur iltqajt ma’ għadd kbir ta’ dilettanti tal-karozzi li jiddedikaw il-ħin u r-riżorsi tagħhom sabiex iżommu dawn il-vetturi ta’ valur storiku f’kundizzjoni eċċellenti. Il-maġġoranza ta’ dawn id-dilettanti jużaw il-karozza tagħhom biss għal ftit okkażjonijiet fis-sena. Irridu niżguraw li ma npoġġux piż żejjed fuqhom b’regoli tal-UE maħsuba għal vetturi ta’ użu ta’ kuljum,” qal l-MEP.

L-emendi ta’ Agius jindirizzaw ukoll ir-rwol tal-garaxxijiet żgħar tat-tiswija tal-karozzi, kemm mekkaniċi kif ukoll elettriċi, li skont il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea jkunu obbligati jiġbru data u jittrasmettuha lill-UE jew lill-bażijiet ta’ data nazzjonali kull tliet xhur.

“Nemmen li l-Ewropa ma tistax tittrasferixxi l-obbligi tagħha fuq spallejn negozji żgħar sakemm dan ma jkunx strettament neċessarju. Filwaqt li se nappoġġja l-miri tal-UE sabiex titjieb is-sigurtà fit-toroq u jitnaqqsu l-emissjonijiet, irridu niżguraw li l-garaxxijiet żgħar ma jkunux mgħobbija b’aktar obbligi ta’ rapportar Ewropew. Għal din ir-raġuni qed nipproponi li dan l-obbligu jkun limitat għas-sessjonijiet tat-test tal-VRT,” qal Agius.

“Jien ġejt elett sabiex inwassal il-leħen tan-nies komuni fl-Ewropa. In-nies iridu Ewropa ta’ drittijiet u opportunitajiet, mhux Ewropa ta’ burokrazija u obbligi. Irridu noqogħdu attenti li nżidu piżijiet fuq iċ-ċittadini biss fejn dan ikun strettament neċessarju. Il-bqija tax-xogħol tagħna għandu jkun iffukat fuq kif nagħmlu l-ħajja tan-nies aktar faċli u aktar prospera, permezz ta’ opportunitajiet lokali u Ewropej,” ikkonkluda Agius.

L-emendi mressqa mill-MEPs dwar id-Direttiva proposta tal-VRT se jiġu vvutati aktar tard din is-sena fil-Kumitat tat-Trasport u sussegwentement fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew, li mbagħad huwa mistenni jinnegozja din id-Direttiva mal-Istati Membri taħt il-Presidenza Ċiprijotta.