L-ARMS ikkonfermat dak li żvela l-Partit Nazzjonalista lbieraħ: li nuqqas tekniku fis-sistema tagħha wassal biex eluf ta’ kontijiet ġew affettwati bil-konsegwenza li eluf ta’ nies tilfu l-Eko-riduzzjoni.
L-istqarrija b’risposta għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-PN tikkonferma wkoll li minkejja li l-ARMS – meta saret taf – ippruvat tirranġa ħafna mill-kontijiet, għad baqa’ eluf li għadhom qed jiġu affettwati sal-lum mingħajr ma l-konsumaturi għadhom indunaw, sentejn wara dan in-nuqqas tekniku.
Quddiem dan l-iskandlu, il-Ministru Miriam Dalli reġgħet sparixxiet, kif tagħmel kull meta jkun hemm kriżi f’xi entità li taqa’ taħtha.
La l-ARMS qed tikkonferma l-istorja u qed tgħid li mhux veru ħbiet dan kollu mill-konsumaturi, il-Ministru Miriam Dalli għandha tgħidilna:
· Meta u kif ġew infurmati l-konsumaturi dwar dan in-nuqqas f’dawn is-sentejn?
· Kemm kienu l-kontijiet ta’ konsumaturi milquta minn dan in-nuqqas oriġinarjament?
· Kemm huma l-kontijiet ta’ konsumaturi li għadhom affettwati llum?
· Meta saret taf b’dan l-iżball il-Ministru u x’kienet id-deċiżjoni li ħadet?
· X’se tagħmel fuq il-kontijiet li laħqu tħallsu mill-konsumaturi li kienu qed jitilfu l-Eko-riduzzjoni?
· X’se tagħmel biex tindirizza l-abbużi u l-inkompetenza li qed jirrenjaw fl-ARMS?
Flok ħarbet u marret tinħeba, u tefgħet ir-responsabbiltà kollha fuq l-ARMS – li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħha – il-Ministru għandu jkollha mqar id-diċenza twieġeb għal dawn il-mistoqsijiet li qed jagħmlu n-nies.
//= $special ?>

