Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mal-komunità marittima internazzjonali biex jikkundanna bil-qawwa l-attakki riċenti fuq it-tbaħħir kummerċjali u r-riskji dejjem jiżdiedu li qed jiffaċċjaw il-baħħara waqt li jkunu qed iwettqu xogħolhom b’mod leġittimu fuq il-baħar. Dan wara rapporti li l-attakki seħħew fil-viċinanzi ta’ bastiment irreġistrat taħt il-bandiera Maltija.
Kif iddikjarat b’mod ċar minn organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin tat-tbaħħir, il-baħħara huma ċivili. Huma rġiel u nisa li jaħdmu ’l bogħod mill-familji tagħhom biex iżommu l-kummerċ globali miexi, jissalvagwardjaw il-ktajjen tal-provvista tal-ikel u tal-enerġija, u jiżguraw il-funzjonament ta’ kuljum tas-soċjetajiet tagħna. It-tbaħħir kummerċjali qatt m’għandu jitqies bħala mira militari. It-tbaħħir mhuwiex kamp tal-battalja.
Sostnew dan fi stqarrija ix-Shadow Minister għax-Xogħol, is-Settur Marittimu u l-Avjazzjoni, Ivan Castillo, ix-Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà, Darren Carabott u x-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin, Beppe Fenech Adami fejn sostnew li bastimenti kummerċjali jispiċċaw fil-mira ta’ attakki huwa inaċċettabbli, illegali, u jpoġġi ħajjiet innoċenti f’periklu. Is-sigurtà tal-baħħara u l-ħarsien tal-libertà tan-navigazzjoni mhumiex xi għażla; huma obbligi fundamentali taħt id-dritt internazzjonali.
Dan il-prinċipju jieħu piż akbar fid-dawl tal-inċident fatali li seħħ fuq il-baħar barra l-ilmijiet territorjali Maltin, li kien jinvolvi d-dgħajsa tat-trasferiment tal-ewkipaġġ Foxtrot li kienet qed topera flimkien mal-MT Estentepe, fejn membru tal-ekwipaġġ Filippin tilef ħajtu.
Dan l-inċident traġiku hu tfakkira ċara li s-sigurtà fuq il-baħar trid dejjem tkun prijorità u qatt m’għandha tkun ħsieb sekondarju.
Kemm f’reġjuni milquta minn kunflitti kif ukoll waqt operazzjonijiet marittimi ta’ rutina, għandu jsir kull sforz biex jiġi żgurat li jkun hemm kundizzjonijiet ta’ sigurtà xierqa għall-baħħara, inkluż sorveljanza operattiva adegwata, valutazzjoni tar-riskji, u konformità stretta mal-istandards internazzjonali tas-sigurtà marittima. Ebda baħħar m’għandu jħallas l-ogħla prezz minħabba nuqqasijiet fis-sigurtà, fil-koordinazzjoni jew fil-protezzjoni.
Malta hija nazzjon marittimu bi tradizzjoni qawwija ta’ baħħara u b’reġistru internazzjonali tat-tbaħħir b’saħħtu. Dan iġib miegħu r-responsabbiltà li nitkellmu b’mod ċar u naġixxu b’mod deċiżiv favur id-difiża tal-ħajjiet, id-dinjità u s-sigurtà tal-baħħara. Irridu nkomplu nippromwovu, fuq livell Ewropew u internazzjonali, miżuri kkoordinati u effettivi li jipproteġu t-tbaħħir ċivili u lil dawk li jaqdu dmirijiethom abbord.
Is-sigurtà fuq il-baħar mhijiex negozjabbli. Hija dmir li għandna lejn kull baħħar u lejn il-familji tagħhom li jistennewhom id-dar.
//= $special ?>

