Lokali Qorti

Il-verdett fil-ġurin dwar il-qtil fir-Rabat: ‘Status quo’ sakemm il-psikjatri xi darba, jekk ikun il-każ jgħidu li fieq

Ħafna qed jistaqsu issa x’se jiġri wara l-verdett tal-ġurati fil-ġurin ddeċieda li Noel Azzopardi ma kienx nieqes mir-raġuni fil-mument li spara u qatel lil Eric Borg fl-1 ta’ Jannar 2024. Deċiżjoni li ngħatat b’seba’ voti kontra tnejn, Biex b’hekk il-Ġimgħa filgħaxija ntemm il-ġuri dwar il-kwistjoni tal-insanità mqajma mid-difiża wara ħamest ijiem ta’ smigħ.

Madankollu, fl-istess verdett, il-ġurati ddeċidew ukoll, b’maġġoranza ta’ tmien voti kontra wieħed, li Azzopardi bħalissa mhuwiex f’sikktu biex jgħaddi ġuri. Għaldaqstant li se jiġri hu li l-każ jieqaf sakemm tliet psikjatri jgħidu li Azzopardi fieq. Meta jfieq u jekk ifieq jiġi appuntat il-ġuri. Fil-frattemp hu jibqa’ għaddej bil-kura fl-isptar Monte Carmeli.

Azzopardi, residenti r-Rabat, jinsab mixli li fl-1 ta’ Jannar 2024 spara u qatel lil Eric Borg fi Triq il-Fidloqqom fir-Rabat. Huwa kien mar minn jeddu l-għassa tal-Pulizija tar-Rabat ftit wara l-isparatura.

Hu baqa’ jwieġeb mhux ħati ta’ omiċidju volontarju, li uża arma tan-nar biex iwettaq reat, li spara arma tan-nar f’żona li tinsab inqas minn 200 metru ’l bogħod minn żona urbana, u li naqas milli jiżgura li l-arma u l-munizzjon tiegħu jinżammu f’post sigur fid-dar.

F’dan it-tip ta’ proċeduri, jiġifier fil-ġurin – il-ġurati ma jkunux mitluba jiddeċiedu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-imputat. Il-kompitu tagħhom kien li jistabbilixxu jekk Azzopardi kienx nieqes mir-raġuni jew le fil-mument tal-allegat reat. Jekk l-insanità tiġi eskluża, l-imputat jitqies f’sikktu biex jgħaddi ġuri dwar l-akkużi ta’ omiċidju.

F’Settembru 2024, psikjatri maħtura mill-Qorti matul il-kumpilazzjoni tal-provi kienu kkonkludew li Azzopardi ma kellux il-kapaċità mentali meħtieġa biex jifforma l-intenzjoni kriminali, minħabba mard mentali serju u diffikultajiet intellettwali. Dawn il-konklużjonijiet kienu ġew ikkontestati mill-Avukat Ġenerali, u għalhekk ġie ordnat dan il-ġurin.

Qabel ma l-ġurati rtiraw biex jiddeliberaw, l-Imħallef Neville Camilleri spjegalhom fid-dettal li d-dmir tagħhom kien li jiddeċiedu biss jekk Azzopardi kienx nieqes mir-raġuni jew le fil-mument tar-reat.

Il-każ instema’ quddiem il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri. Il-prosekuzzjoni qed tmexxiet mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Kevin Valletta u Kylie Bonett. Għall-akkużat dehru l-avukati Arthur Azzopardi u Nicole Vassallo, filwaqt li l-familja tal-vittma hija rappreżentata mill-avukati Joe Giglio u Michaela Giglio.