SLOVAKKJA……….. 11
MALTA………………. 20
(4-4), (4-7), (1-3), (2-6)
Minn din il-logħba, it-tim nazzjonali Malti ried bilfors joħroġ rebbieħ biex jibqa’ b’ċans għat-13-il post. Sigħat li kienu pjuttost diffiċli wara rapporti fil-media lokali dwar każ serju ta’ rranġar ta’ logħob minn plejers Maltin. F’dik li kienet l-aqwa prestazzjoni ta’ din l-edizzjoni sa issa, it-tim Malti ħareġ rebbieħ 20-11 kontra s-Slovakkja.
Din kienet ir-raba’ darba li Malta lagħbet kontra s-Slovakkja waqt fażi finali ta’ Kampjonat Ewropew iżda kienet l-ewwel darba li Malta ħarġet rebbieħa. Il-prestazzjoni kienet tajba mhux minħabba r-riżultat finali iżda għaliex it-tim Malti għaraf jirkupra minn bidu ftit diffiċli, dawwar ir-riżultat bejn tmiem l-ewwel sessjoni u l-bidu tat-tieni sessjoni u kkontrolla b’konvinzjoni.
Is-Slovakki fetħu tajjeb u bnew vantaġġ bikri ta’ żewġ gowls. Dan id-distakk żammewh sa minuta mit-tmiem tal-ewwel sessjoni hekk kif xutt sabiħ ta’ Alec Fenech u Nikolai Zammit minn man-up ġabu annullaw id-differenza.
It-tim Malti mar fil-vantaġġ għall-ewwel darba fil-logħba b’konklużjoni minn man-up ta’ Stevie Camilleri u penalty ta’ Ivan Nagaev li għamlu l-iskor 6-4. Dawn iż-żewġ kienu importanti għaliex wittew it-triq biex it-tim Malti seta’ jieħu l-kontroll tal-logħba u jibni vantaġġ gradwalment. L-avversarji naqqsu d-distakk għal żewġ gowls tliet darbiet iżda pronta kienet ir-risposta tat-tim Malti li wieġeb kull darba u daħal jistrieħ 11-8.
Il-plejers Maltin għamlu ċert mir-rebħa fit-tielet sessjoni. Il-gowl ta’ Liam Galea kmieni fis-sessjoni kabbar il-vantaġġ għal erba’ gowls u minn hemm donnu ż-żewġ timijiet kienu jafu d-destin tagħhom. It-tim Malti rabba aktar kunfidenza u beda jilgħab b’anqas pressjoni filwaqt li s-Slovakki ramew ix-xugaman.
It-tim Malti xxala fl-aħħar sessjoni b’gowls konsekuttivi li saħansitra kabbru l-vantaġġ għal 19-9 bi tliet minuti għat-tmiem. Alec Fenech żied ieħor u skorja r-raba’ gowl personali minn man-up sakemm is-Slovakkja skorjat darbtejn fl-aħħar minuta tal-logħba. It-tim Malti jilgħab l-aħħar logħba llum fl-10.15am kontra s-Slovenja u jiġi assigurat it-13-il post jekk il-plejers Maltin jevita telfa.
Slovakkja: L. Kozmer, M. Mihal (1), P. Tisaj, M. Molnar, M. Tkac (1), L. Seman (1), M. Tkac, A. Furman (3), T. Bielik (1), M. Caraj (3), S. Balaz (1), F. Balogh, B. Juhasz
Malta: J. Tanti, I. Nagaev (1), L. Galea (4), B. Plumpton (1), B. Cachia, M. Zammit, S. Camilleri (6), J. Cutajar, N. Zammit (1), D. Zammit, A. Fenech (5), N. Grixti, E. Schembri (2), J. Bonavia
Referees: Andrej Franulovic (Kroazja), Tamas Kovacs-Csatlos (Ungerija)
//= $special ?>

