Lokali

Jintbagħat iżolament wara li rrappurta abbuż minn uffiċjal

L-allegazzjonijiet ħorox fil konfront tal-ħabs Malti dejjem qed jiżdiedu – dan hekk kif kien imiss issa priġunier illi tkellem ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet u allega li ntbagħat iżolament wara li rrapporta abbuż minn uffiċjal tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Kien lejn l-aħħar ta’ Settembru tal-2025, meta priġunier illi kien qed jiskonta l-aħħar sena tas-sentenza tiegħu f’Dar Bla Ħitan fil-Birgu kien allegatament mitlub illi jgħin uffiċjal b’biċċa xogħol li ma kellha x’taqsam xejn max-xogħol tiegħu bħala uffiċjal.

Hekk kif tlestiet din il-biċċa xogħol, l-uffiċjal – bil-vann privat tiegħu – flimkien mal-priġunieri, allelgatament marru jarmu din il-kċina antika f’wied fil-limiti taż-Żurrieq, dan minflok ma ntremiet fil-wasteserv.


Il-ħabsi, abbażi anke ta’ ftehim kuntrattwali li kellu sabiex jiskonta l-aħħar sena b’imġieba tajba, għamel rapport lit-tmexxija tad-Dar – u kien hawn li allegatament ntbagħat lura lejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin f’iżolament f’division 6.

Huwa anke għamel rapport lil Supretendent mill-għassa ta’ Raħal Ġdid.

B’dan il-każ kienu anke allegatament infurmati kemm il-Kummissarju għal-Benesseri u l-Iżvilupp tal-Ħabsin Steve Liberi u anke d-Direttur tal-Faċilità Christopher Siegersma.

Iżda, it-talba waqgħet fuq widnejn torox. Bil-priġunier li tkellem magħna jispjega illi hu ħadem fuqu nnifsu, irriforma ruħu u anke rranġa r-relazzjoni tiegħu mal-familja tiegħu sabiex ikun jista’ joħroġ mill-ħabs u jsib komunità li tgħinu jibni ħajtu mill-ġdid.

Intant, lura f’Marzu tal-2025, f’intervista li saritlu mill-ġurnalist Mark Laurence Zammit, id-Direttur Siegersma kien spjega li hu ma jaqbilx mas-solitary confinement u wisq anqas jibgħat nies f’dawn il-kundizzjonijiet fil-ħabs Malti. Fejn anke spjega illi l-liġi Maltija tgħid li wieħed jista’ jintbagħat f’iżolament biss ġaladarba tiddeċiedi l-Qorti Maltija.

Iżda, minkejja dan, allegatament, il-priġunier intbagħat iżolament għaliex rrapporta reat.