“Il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista trid tkompli dan għaliex Malta u Għawdex jixirqilhom aħjar, jixirqilhom Gvern ġdid Nazzjonalista li jaħdem fl-interess tal-ħafna u mhux tal-ftit.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt l-ewwel Assemblea Reġjonali li saret il-Ġimgħa filgħaxija fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Ħamrun dan hekk kif dawn il-laqgħat qed isiru bħala parti mill-Kunsill Ġenerali li se jitlaqqa’ fil-25 ta’ Jannar f’Għawdex.

Matul l-Assemblea tal-Ewwel Reġjun li jinkludi l-ewwel, it-tieni u r-raba distretti, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fakkar fl-importanza tal-Kumitati Sezzjonali tal-Partit biex il-messaġġ ikompli jitwassal u pajjiżna jkollu l-Gvern alternattiv li jistħoqqlu.
Matul l-Assemblea ġew diskussi diversi suġġetti fosthom l-kwalità tal-ħajja, l-iżvilupp ekonomiku, l-ippjanar, it-trasport u l-isplużjoni fil-popolazzjoni b’numru ta’ Kunsilliera preżenti waslu l-ħsibijiet tagħhom.



Apparti minn hekk, dawk preżenti saħqu fuq l-importanza li pajjiżna jerġa’ jsir pajjiż li joffri spazju, trankwillità u sens ta’ stabbiltà, fejn l-ambjent naturali u urban jiġi protett u mtejjeb bħala parti integrali mill-ġid komuni.
Għaldaqstant, il-laqgħa ġiet immexxija mill-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut u ngħalqet b’diskorsi mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello u mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione.


Intant, dawn il-laqgħat se jkomplu matul il-jum tal-Ħadd bl-Assemblea Reġjonali tat-Tieni Reġjun li se ssir waqt l-attività politika mis-sensiela “Qrib Tagħkom” fil-pjazza ta’ wara l-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun.
//= $special ?>

