Ambjent Lokali

“Tkomplux teqirdu l-wirt storiku ta’ pajjiżna” – FAA

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“Tkomplux teqirdu bini li huwa parti mill-wirt storiku ta’ pajjiżna.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni li twassal waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret is-Sibt filgħodu quddiem Forti Tigne u li kienet organizzata minn Flimkien Għal Ambjent Aħjar.

Matul il-konferenza ngħad li l-proġett ta’ Forti Tigne propju li tinbidel f’lukanda huwa inaċċettabbli dan filwaqt li jekk iseħħ ikun hemm ksur fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.

Apparti minn hekk, huma tkellmu wkoll dwar il-passaġġ ta’ fejn il-baħar li preżentament jinsab magħluq kaġun ta’ ħsarat strutturali bil-Gvern ta’ Robert Abela u MIDI qed jippuntaw subgħajhom lejn xulxin bix-xogħolijiet għadhom ma bdewx.

F’kummenti ma’ Net News il-koordinatur ta’ Flimkien Għal Ambjent Aħjar Astrid Vella spjegat l-importanza ta’ Forti Tigne kif ukoll li huwa forti uniku fid-dinja u għalhekk irid jiġi priservat kif inhu.

Apparti minn hekk, Astrid Vella qalet li z-zona ta’ Forti Tigne hija l-unika parti minn Tas-Sliema li se tiġi nkorporata fil-buffer zone tal-Belt Valletta u li tagħmel din iz-zona parti mill-World Heritage Site tal-UNESCO. Din il-buffer zone propju qegħda hemm biex tipproteġi bini storiku f’pajjiżna.

Intant, matul il-konferenza ġie spjegat li dan il-Forti għandu jitgawda mill-poplu kif ukoll mit-turisti u mhux jinbidel f’lukanda. Kien għalhekk li matul din il-konferenza huma appellaw lill-Gvern ta’ Robert Abela biex dan il-Forti jinfetaħ għall-pubbliku jew inkellha jinbidel f’mużew li jispjega l-istorja wara dan il-forti kif ukoll l-istorja tal-lokalità Tas-Sliema.