Diversi pajjiżi Ewropej, fosthom Franza, il-Ġermanja, l-Iżvezja, in-Norveġja, il-Finlanda, l-Olanda u r-Renju Unit qed jibagħtu numru ta’ truppi bħala parti minn operazzjoni militari.
Dan qed iseħħ fi żmien fejn il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, wissa li jista’ jimponi tariffi fuq pajjiżi li ma jappoġġjawx li l-Istati Uniti jieħdu kontroll ta’ Greenland – gżira artika, semi-awtonoma tad-Danimarka li skont hu hija importanti għas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Uniti.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, Trump qal li l-Istati Uniti, għandhom, jikkontrollaw lil Greenland u sejjaħ kwalunkwe riżultat ieħor “mhux aċċettabbli.”
F’avveniment separat dwar il-kura tas-saħħa rurali, fil-White House, Trump stqarr, “nista’ nagħmel l-istess għal Greenland, nista’ nimponi taxxi fuq il-pajjiżi li ma jaqblux li l-Istati Uniti tieħu kontroll ta’ Greenland. Għax għandna bżonn lil Greenland għas-sigurta nazzjonali. ”
Sostna dan wara li fil-bidu ta’ din il-ġimgħa ma ntlaħaqx ftehim waqt taħditiet f’Washington bejn il-ministri tal-affarijiet barranin tad-Danimarka u Greenland, il-Viċi President tal-Istati Uniti JD Vance u s-Segretarju tal-Istat Marco Rubio, fost uffiċjali oħrajn.
Liema taħditiet saru bl-għan li jiġu diskussi modi ta’ kif jistgħu jiġu indirizzati l-preokkupazzjonijiet tal-Istati Uniti mingħajr ma jirrikorru għal theddid jew annessjoni.
Il-mexxejja Ewropej insistew li dan huwa biss f’idejn id-Danimarka u Greenland biex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw it-territorju, Id-Danimarka qalet din il-ġimgħa li qed iżżid il-preżenza militari tagħha fil-Greenland f’kooperazzjoni mal-alleati.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru ta’ Greenland, Jens-Frederik Nielsen, qal it-Tlieta li kieku Greenland kellha tagħżel bejn l-Istati Uniti u d-Danimarka, tagħżel lid-Danimarka. Żied jgħid li Greenland tagħżel in-NATO, id-Danimarka u l-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>

