Lokali

Aidan jirbaħ il-Malta Eurovision Song Contest bil-kanzunetta Bella

Il-kantant Aidan irnexxielu jirbaħ il-Malta Eurovision Song Contest bil-kanzunetta Bella, u b’hekk se jkun hu li jġorr il-bandiera Maltija fl-edizzjoni li jmiss tal-Eurovision Song Contest, li se jsir f’Vienna, fix-xahar ta’ Mejju.

Din ir-rebħa timmarka r-raba’ darba li Aidan ħa sehem fil-Malta Eurovision Song Contest. L-ewwel parteċipazzjoni tiegħu tmur lura għas-sena 2018, meta kkompeta bil-kanzunetta Dai Laga u spiċċa fir-raba’ post. Fl-2022, huwa reġa’ ħa sehem bil-kanzunetta Ritmu, li biha kiseb it-tieni post fil-finali.

Fl-2023, Aidan kien reġa għamilha fil-finali ta’ dan il-festival bil-kanzunetta Reġina, iżda din ġiet skwalifikata qabel ma ngħata bidu tal-kompetizzjoni wara li nkiser ir-regolament relatat mal-promozzjoni tal-kanzunetti fuq il-midja soċjali. Wara dan l-episodju, Aidan kien iddikjara pubblikament li għalissa ma kienx beħsiebu jerġa’ jieħu sehem fil-Malta Eurovision Song Contest.

Minkejja dan, ir-ritorn tiegħu f’din l-edizzjoni ntemm b’suċċess, hekk kif irnexxielu jirbaħ dan il-festival segwiet minn bosta Malta u Għawdxin, u jikseb appoġġ qawwi kemm mill-ġurija kif ukoll mill-pubbliku.

Fil-finali tal-Malta Eurovision Song Contest, Aidan kiseb 283 punt. Huwa se jkanta fit-tieni parti tat-tieni semifinali tal-Eurovision Song Contest, li se ssir nhar il-Ħamis, 14 ta’ Mejju li ġej.

Fit-tieni post ikklassifikat il-kanzunetta Ejja Lejja Ħdejja Hawn (The Flute) ta’ Matt Blxck b’268 punt, filwaqt li fit-tielet post ġiet il-kanzunetta My Sweet Angel, b’136 punt.

Is-serata finali kienet waħda spettakolari u animata minn diversi artisti mistiedna. Fosthom spikkaw iż-żewġ prestazzjonijiet bejn Eliza Borg, ir-rebbieħa tal-Malta Junior Eurovision Song Contest 2025, u Destiny Chukunyere, li rrapreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest fis-sena 2021; fejn interpretaw il-kanzunetti Not My sole, u I believe.

Fil-lejl finali tal-Malta Eurovision Song Contest ħadu sehem ukoll dawn l-artisti, fosthom; il-grupp mużikali lokali Scream Daisy li wara ħmistax-il sena reġgħu ingħaqdu fuq il-palk tal-Malta Eurovision Song Contest biex jagħtu spettaklu lill-pubbliku, Baby Lasagna; il-grupp li rrapreżenta lil Kroazja fil-Eurovision Song Contest is-sena li għaddiet, bil-kanżunetta Rim Tim Tagi Dim, u r-rebbiegħa tal-Malta Eurovision song contest 2025 Miriana Conte.