“Gvern ġdid Nazzjonalista se jaħdem għal Malta aħjar u jkompli jinvesti fis-setturi ta’ pajjiżna bil-għan li jinħolqu impjiegi ta’ kwalità.”
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt attività politika li saret iż-Żejtun fejn ġie mistoqsi minn diversi professjonisti fost l-oħrajn dwar is-settur tal-avjazzjoni, il-kostruzzjoni f’pajjiżna, l-għoli tal-ħajja, l-isplużjoni fil-popolazzjoni u l-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer.
Fil-bidu tal-attività politika l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg wassal l-awgurju tiegħu lil Aidan hekk kif is-Sibt filgħaxija rebaħ il-Malta Eurovision Song Contest.
Celine Camilleri li ġejja mis-settur tal-avjazzjoni saqsiet kif in-nies li jaħdmu f’dan is-settur tant importanti jistgħu jkomplu jikbru.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li s-settur tal-avjazzjoni huwa grazzi għall-Gvern Nazzjonalista u għad hemm ħafna potenzjal fejn dan is-settur jista’ jkompli jikber. Huwa sostna li jrid ikun hemm rieda politika u viżjoni fit-tul sabiex inħeġġu liż-żgħażagħ jidħlu f’dawn is-setturi sabiex inkomplu ninvestu f’dawn is-setturi tant importanti.
Stephen Mizzi mis-settur tal-kostruzzjoni li saqsa dwar is-saga ta’ Forti Tigne u saqsa fuq il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista b’rabta ma’ din is-saga.
Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ fil-bżonn ta’ aktar spazji miftuħa u li l-White Rocks u Forti Tigne għadhom jiġu ssalvagwardjati kif inhuma. Huwa spjega kif fil-budget ta’ din is-sena ma kien hemm l-ebda fondi allokati għal dawn iż-żewġ postijiet li huma tant importanti fl-istorja ta’ pajjiżna.
Apparti minn hekk huwa qal li fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna m’hemm l-ebda definizzjoni ta’ park nazzjonali u għalhekk jistgħu jsiru diversi abbużi għaliex tista’ tiġi interpretata b’mod differenti. Dan filwaqt li saħaq fuq l-importanza li tiġi diskussa r-riforma tal-ippjanar b’mod serju u jinħarġu riformi li verament jirrispettaw l-ambjent ta’ pajjiżna.
John Baptist Camilleri li qed isaqsi bħala inġinier wera tħassib fuq il-pjaga tal-għoli tal-ħajja u kif din tista’ tittaffa.
Alex Borg qal li hija realtà ferm inkwetanti li l-poplu Malti u Għawdxi għadu qed jaffaċċja l-pjaga tal-għoli tal-ħajja bil-familji mhux qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar. Hawnhekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista reġa’ saħaq sabiex il-COLA ma tiġix intaxxata kif ukoll li jkun hawn Fond Nazzjonali li jgħin lil min jimporta u jesporta.
Ryan Cachia li ġej mis-settur tal-finanzi saqsa dwar it-tifsira ta’ governanza tajba.
Minn naħa tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li governanza tajba tfisser trasparenza, kontabbiltà u li tonfoq flus il-poplu b’mod responsabbli. Huwa sostna li l-Gvern ta’ Robert Abela mhuwiex ta’ governanza tajba filwaqt li fakkar li l-Gvern irrifjuta li joħroġ il-kontijiet tal-assi.
Huwa fakkar ukoll li l-Ministru Roderick Galdes għamel bargain fuq penthouse li xtara għal €140,000 – prezz li huwa ferm inqas minn tas-suq u fl-istess waqt jirrifjuta li jippubblika l-assi tiegħi u li qed tindika li għandu xi ħaġa x’jaħbi.
Stephanie Vassallo li ġejja mis-settur tal-finanzi li saqsiet dwar l-isfida biex iż-żgħażagħ jixtru l-ewwel propjetà tagħhom u l-isplużjoni fil-popolazzjoni.
B’rabta mal-isfidi biex iż-żgħażagħ jixtru l-ewwel propjetà tagħhom, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-aġir tal-Prim Ministru Robert Abela wera kemm hu fil-verità maqtugħ mir-realtà dan għaliex iż-żgħażagħ ma jifilħux jixtru propjetà li tiswa €400,000.
Alex Borg qal li ż-żgħażagħ għandhom jingħataw l-għajnuna kollha possibbli u fakkar f’numru ta’ risposti li wassal il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar xhur.
Karol Cachia li ġej mis-settur tal-IT li saqsa dwar is-sitwazzjoni tant serja tal-mediċini out-of-stock.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li kien Gvern Nazzjonalista li ġab l-industrija tal-farmaċewtika f’pajjiżna u li għadna ngawdu minnha sal-lum.
B’rabta mal-mediċini ġeneriċi Alex Borg qal li dawn il-mediċini ma tagħtix l-effett li tagħti l-mediċina oriġinal iżda ma jfissirx li l-mediċina ġenerika hija ta’ kwalità inferjuri. Kaġun ta’ din is-sitwazzjoni ħafna nies qed ikollhom jixtru l-mediċini minn buthom flok mill-formularju. Għaldaqstant, huwa fakkar li Gvern Nazzjonalista jassigura li l-PREP tkun b’xejn għal kulħadd sabiex inkunu nistgħu nkomplu niġġieldu din il-kundizzjoni.
Intant, fl-għeluq ta’ din l-attività politika l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħeġġeġ lil kulħadd sabiex jattendi għall-Kunsill Ġenerali li se jsir fil-25 ta’ Jannar f’Għawdex.
//= $special ?>

