Ambjent Lokali Temp

Il-prodotti tal-bdiewa jinqerdu kaġun tal-maltemp li laqat ir-Rabat

Wara l-maltemp estrem li seħħ matul il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt fir-Rabat u l-Baħrija bil-konsegwenza li t-toroq inksew bis-silġ l-għelieqi tal-bdiewa ġarrbu ħsarat kbar.

Net News tkellem mal-President ta’ Għaqda Bdiewa Attivi Malcolm Borg li spjegalna li l-maltemp kien wieħed mill-agħar diżastri naturali li setgħu esperjenzaw il-prodotti tal-bdiewa dan hekk kif peress li s-silġ niżel b’saħħa kbira għal tul ta’ ħin il-prodotti mħawwla spiċċaw ittaqbu.

Malcolm Borg qal ukoll kif dawn il-ħsarat jammontaw għal eluf kbar ta’ ewro dan hekk kif sfortunatament il-maġġoranza tal-prodotti nqerdu għal kollox u l-ftit li ġew salvati mhumiex preżentabbli għal bejgħ.

Huwa qal li l-bdiewa jinsabu devastati u preżentament għaddejjin diskussjonijiet mal-Ministeru tal-Agrikultura bil-għan li l-bdiewa jingħataw kumpens għad-diżastru li sofrew. Dan apparti li Malcolm Borg spjegalna wkoll li fis-settur agrikolu m’hemmx assigurazzjoni.

Infatti, matul il-lejl niżlet ammont konsiderevoli ta’ xita, b’din tilħaq anke l-56 milimetru f’Ħad Dingli biss. Il-maltempata laqtet b’mod intensiv lil Malta dan filwaqt li f’Għawdex, minkejja li wkoll niżlet ix-xita għal tul ta’ ħin, il-maltempata kienet inqas intensiva.

Intant, l-uffiċju meterjoloġiku qed ibassar illi matul il-ġimgħa li ġejja, pajjiżna se jara xita u maltemp b’temperaturi li jinżlu għal 10 gradi celcius.