Il-Mexxejja ta’ diversi pajjiżi tan-NATO wissew li t-theddida tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump biex jimponi t-tariffi ġodda fuqhom b’rabta ma’ Greenland kapaċi twassal għal firda rrivokabbli fost il-membri tal-Alleanza tal-Punent li ilha mwaqqfa mill-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Filwaqt li Trump qed jinsisti li jieħu f’idejh bilfors it-territorju ta’ Greenland – li hu parti mid-Danimarka – il-Gvern Daniż, flimkien mal-Mexxejja tar-Renju Unit, il-Finlanda, Franza, il-Ġermanja, l-Olanda, in-Norveġja u l-Iżvezja għamluha ċara li lesti jiddefendu bis-sħiħ il-prinċipji tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-poplu ta’ dik il-gżira.
Madankollu, Trump kompla jinsisti bil-pjani biex jimponi tariffa ta’ għaxra fil-mija fuq dawn it-tmien pajjiżi li wħud minnhom bagħtu t-truppi lejn Greenland bħala miżura ta’ protezzjoni.
It-theddida kapaċi tissarraf f’realtà mill-Ewwel ta’ Frar, bi Trump qed jhedded ukoll biex, f’Ġunju, iżid it-tariffa għal 25 fil-mija f’sitwazzjoni fejn dawn il-pajjiżi ma jċedux għad-diktat tiegħu rigward il-kontroll ta’ Greenland.
L-osservaturi, sadanittant, qed jirrimarkaw dwar il-politika ostili ta’ Trump fir-rigward tad-Danimarka…Pajjiż alleat tan-NATO li jmexxi l-politika barranija u għad-difiża ta’ Greenland — art semi-awtonoma b’57,000 resident.
Fl-aħħar sigħat, ħarġu l-eluf tan-nies fit-toroq ta’ Greenland u d-Danimarka biex jipprotestaw kontra l-pjani ta’ espansjoni li Washington qed jinsisti dwarhom mingħajr l-ebda rispett għal pajjiż li dejjem kien ta’
sostenn għall-Istati Uniti waqt is-sigħat ta’ prova.
L-imsemmija pajjiżi suġġetti għat-tariffi l-ġodda — f’dan il-każ id-Danimarka, ir-Renju Unit, il-Finlanda, Franza, il-Ġermanja, l-Olanda, in-Norveġja u l-Iżvezja – ħarġu stqarrija konġunta fis-sens li beħsiebhom juru solidarjetà sħiħa mal-poplu ta’ Greenland f’dan il-mument diffiċli.
Fl-istess ħin, dawn il-pajjiżi huma wkoll lesti għal djalogu mal-Istati Uniti biex jiffissaw, fuq kollox, l-integrità territorjali ta’ Greenland.
It-tmien Stati tan-NATO huma impenjati biex isaħħu s-sigurtà fir-reġjun tal-Artiku bħala kunċett ta’ interess fuq livell transatlantiku.
//= $special ?>

