Stewart Said
MALTA…………. 14
SLOVENJA……. 13
(3-4), (5-4), (3-3), (3-2)
F’għeluq is-sitt parteċipazzjoni konsekuttiva fil-fażi finali ta’ Kampjonat Ewropew, it-tim nazzjonali Malti kiseb l-aqwa klassifikazzjoni tiegħu bit-13-il post miksub fir-rebħa kontra s-Slovenja. Il-prestazzjoni tat-tim Malti setgħet kienet aħjar iżda spikkat ir-reżiljenza tal-plejers Maltin li baqgħu jissieltu.
Din l-edizzjoni ntlagħbet fid-dell ta’ ġranet li kienu pjuttost diffiċli wara rapporti fil-media lokali dwar każ serju ta’ rranġar ta’ logħob minn plejers Maltin. Il-mira ewlenija tat-tim Malti f’dan il-Kampjonat Ewropew kien it-12-il post iżda minkejja li l-mira ma ntlaħqitx, dan ir-riżultat xorta jagħmel ġieh għall-isforzi tal-moviment tal-waterpolo lokali.
Wieħed ftit jista’ jagħmel paragun bejn l-iskwadri li pparteċipaw fl-aħħar edizzjonijiet, kemm minħabba formati differenti tal-kompetizzjoni kif ukoll minħabba episodji u sitwazzjonijiet differenti f’kull edizzjoni.
Wieħed irid isemmi l-fatt li Stevie Camilleri skorja 22 gowl tul din l-edizzjoni, gowl iktar minn meta spiċċa l-aqwa skorer tal-edizzjoni tal-2016. B’kollox hu qabeż is-60 gowl skorjat waqt fażi finali tal-Kampjonati Ewropej.
L-iskwadra Maltija f’din l-edizzjoni kienet pjuttost differenti. Irritornaw fl-iskwadra l-veterani Stevie Camilleri u Matthew Zammit li spikkaw mhux ftit u għamel id-debutt Ivan Nagaev fost l-oħrajn. Din kienet it-tielet edizzjoni konsekuttiva li fiha Malta lagħbet kontra s-Slovenja. Erba’ snin ilu waslet rebħa ta’ 13-9 iżda sentejn ilu, is-Slovenja rebħet 10-8.
Forsi kontra tal-logħbiet l-oħra f’din l-edizzjoni, it-tim Malti beda tajjeb u bena vantaġġ ta’ 3-1 fl-ewwel żewġ minuti tal-logħba b’gowls ta’ Ivan Nagaev, Liam Galea u Stevie Camilleri. Madankollu reazzjoni mis-Slovenja wasslet biex dan il-vantaġġ intilef u l-avversarji temmew is-sessjoni 4-3 minn fuq.
It-tieni sessjoni kienet karatterizzata minn botta u risposta. Iż-żewġ timijiet kellhom il-vantaġġ darbtejn tul is-sessjoni, bil-gowl minn man-up ta’ Liam Galea rnexxielu jagħmel l-iskor 8-8. F’din is-sessjoni, il-plejers Maltin rnexxielu jiskorja darbtejn minn tliet okkażjonijiet ta’ superjorità numerika.
Il-bilanċ kompla jirrenja fit-tielet sessjoni. Għal tliet darbiet it-tim Malti mar fil-vantaġġ iżda f’kull okkażjoni s-Sloveni wieġbu. Spikkat id-doppjetta ta’ Marcel Lipnik fl-aħħar minuta tas-sessjoni.
L-aħħar sessjoni kienet deċiżiva. Nagaev poġġa lit-tim Malti fil-vantaġġ minn man-up kmieni fis-sessjoni. Liam Galea kellu opportunità kbira li jirdoppja l-vantaġġ minn kontrattakk iżda x-xutt minn quddiem Milan Bulajic ġie salvat mill-gowlkiper Sloven. Madankollu l-istess opportunità reġgħet ġiet quddiem Galea ftit sekondi wara u din id-darba ma falliex għal vantaġġ ta’ 13-11.
Dan id-distakk kien determinanti hekk kif l-importanti għat-tim Malti kien li ma jitlifx. Is-Sloveni naqqsu d-distakk għal gowl żewġ minuti mit-tmiem. Fl-aħħar mumenti, is-Slovenja pruvat tevita t-telfa u tisforza l-logħba għall-għoti tal-penalties madankollu t-tim Malti ddefenda b’għaqal u żamm il-vantaġġ ta’ gowl.
Malta: J. Tanti, I. Nagaev (5), L. Galea (4), B. Plumpton, B. Cachia, M. Zammit (1), S. Camilleri (3), J. Cutajar, N. Zammit, D. Zammit, A. Fenech (1), N. Grixti, E. Schembri, J. Bonavia
Slovenja: J. Beton, V. Stefanovic (3), J. Kadivec (1), M. Canc (1), M. Santak, M. Lipnik (2), N. Stromajer (2), A. Paunovic, G. Ficur, A. Cerar, E. Potocnik (4), M. Bulajic, N. Miletic, B. Stromajer
Referees: Frank Ohme (Ġermanja), Eurico Silva (Portugall)
//= $special ?>

