Lokali

“M’għandnix bakketta maġika għat-traffiku” – Ministru Chris Bonett

Chris Bonett jieħu għalih li jgħidulu Ministru tat-traffiku.

Dan hekk kif f’intervista ma’ Andrew Azzopardi fuq Campus FM, il-Ministru tat-Trasport, responsabbli biex isib soluzzjoni għat-traffiku, sostna li m’għandux bakketta maġika u jsolvi kollox, u insista li l-poplu jrid jieqaf jipretendi li kulħadd ħa jwarrab mit-triq biex jgħaddi hu.

Minkejja dan xorta waħda ammetta l-fatt li ż-żieda fil-popolazzjoni kienet ta’ piż fit-toroq tagħna.

B’rabta mal-Metro, il-Ministru Bonett stqarr li fil-ġimgħat u xhur li ġejjin se jkunu qed jiġu preżentati pjanti tal-proġett, liema proġett tat-trasport tal-massa jinvolvi traġitti kemm fuq l-art, taħtha…u anke maqtugħin mill-art.

Mistoqsi dwar il-pożizzjoni tal-Ministru Clyde Caruana fejn kien voċiferu immens fuq tali proġett u wera kemm kien xettiku- Bonett qal li kien kellem lill-istess Ministru tal-Finanzi fejn stqarrlu li kien jipreferi kieku kellem lilu dirett flok lill-media.

B’rabta mal-vapuri tal-Gozo Channel, Chris Bonett ammetta li n-Nikolaus mhux xi vapur eċċellenti u se jkun qed isir xogħol biex dan jinbidel fix-xhur li ġejjin madanakollu ammetta wkoll kemm għamel xogħol siewi Gvern Nazzjonalista bil-bini tat-3 vapuri tal-Gozo Channel u kemm dan il-Gvern ħares ‘il quddiem.

Mistoqsi fuq il-Marina ta’ Wied il-Għajn, Chris Bonett sostna li dak huwa argument magħluq madanakollu hu mhux kontra l-kunċett ta’ Marina, minkejja li l-maġġoranza ma riduhiex għax skont hu  setgħet saret komunikattiva aħjar.

Komunikazzjoni aħjar, skont Bonett, setgħet saret ukoll fir-rigward taż-żrar u l-ħaxix f’Ta Qali.

Mistoqsi dwar Jason Micallef – Bonett, li huwa proprju responsabbli minn dan is-settur, ma ċaħadx li dan tal-aħħar tah ir-riżenja.

U filwaqt li qal li €300,000 mhux ħafna flus, insista li se jkun hemm bżonn intervent ieħor.