Internazzjonali

Naqas il-ġlied bejn l-armata tal-President Sirjan u l-qawwiet Kurdi

L-aħħar indikazzjonijiet mis-Sirja qed juru li naqas il-ġlied bejn l-Armata tal-President Sirjan, Ahmed al-Sharaa u l-qawwwiet Kurdi tal-grupp SDF…Dan wara sensiela ta’ battalji li żbruffaw wara li kien sfaxxa l-ftehim bejn il-Gvern ta’ Damasku u l-istess SDF…Ftehim li fost oħrajn kien qed jaħseb għall-integrazzjoni tal-entitajiet Kurdi fl-Istituzzjonijiet Sirjani.

Sadanittant, it-truppi tal-Gvern li kienu qed jikkumbattu kontra l-qawwiet Kurdi fl-artijiet Sirjani lejn il-grigal, fl-aħħar sigħat, irnexxielhom jaħtfu kontroll tat-territorju ewlieni tal-pajjiż li jipproduċi ż-żejt.

Numru ta’ sorsi kkonfermaw li l-Armata tal-Gvern, issa, qed tikkontrolla l-faċilità ta’ Omar flimkien mal-artijiet tal-madwar…Artijiet li fihom ukoll ir-riżorsi tal-gass u bil-qawwiet Kurdi jkunu kostretti li jirtiraw miz-zona.

Kien ukoll ikkonfermat li l-Armata ta’ al-Sharaa, issa, ħatfet l-artijiet strateġiċi max-xatt tax-Xmara Ewfrati u li jinkludu fost oħrajn id-dika ta’ Taqba.

L-SDF, qabel, kien qed jhedded biex jistazzjona mill-ġdid il-qawwiet tiegħu fit-territorji lejn il-lvant tal-Ewfrati u wara l-battalji intensivi ta’ jiem ilu mal-Armata tal-Gvern.