Lokali

Robert Abela jgħid li l-pensjonanti huma sinjuri żgħar

Il-pensjonanti f’Malta huma sinjuri żgħar.

Sostna dan il-Mexxej Laburista u Prim Ministru Robert Abela meta l-Ħadd filgħodu kien intervistat minn ħaddiem minn tiegħu fuq is-Super One, ċioè uffiċjal fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

F’madwar siegha u kwart ta’ inċensar u intervista propogandistika magħmula bizzilla fil-kurituri ta’ Kastilja, Robert Abela fakkar diversi temi li fasslu s-sitt snin minn meta Joseph Muscat irriżenja minn Prim Ministru u kellu jieħu floku hu.

Madanakollu naqas milli jindirizza l-ammont ta’ u-turns li kellu jagħmel, il-kriżi tat-traffiku u ż-żieda qawwija u drastika fil-popolazzjoni li ġab b’idejh.

Filwaqt li kellu ħin biżżejjed biex jindirizza numru ta’ temi, Abela naqas għal kollox milli jindirizza wieħed mill-akbar inkwiet ewlieni taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin…u mhux biss – ċioè l-affordabiltà tal-proprjetà fil-pajjiż u l-kirjiet…fejn kull ma jmur qed jiżdiedu, bir-rata ta’ ulied li qed jibqgħu jgħixu mal-ġenituri qed tiżdied.

Iżda filwaqt li naqas milli jindirizza din il-problema ta’ kirjiet, kif ukoll l-istaġnar fil-pagi – Robert Abela kompla fuq li kien qal Joseph Muscat – ċioè li f’Malta l-poplu huwa sinjur żgħir…skont il-Mexxej Laburista.. b’mod partikolari dawn huma l-pensjonanti.

L-intervista maħsuba mill-OPM, injorat u warbet għal kollox is-serqa mill-kontijiet tad-dawl li sofrew uħud mill-familji Maltin u Għawdxin. Dan hekk kif Abela naqas milli jagħmel referenza għal dak li l-ARMS infisha ddeskriviet bħala żball, ċioè kontijiet għola għal uħud kif żvelat mill-Partit Nazzjonalista aktar kmieni din il-ġimgħa.

Intant, waqt li ddeċieda li jiddedika kwart mill-intervista għal attakki partiġjani kontinwi…b’rabta mal-Forti San Salvatur fil-Kottonera li ħabbar li se jingħata lura lill-pubbliku jumejn ilu, Abela ma daħalx fid-dettal dwar kif intilef….għajr li mhux se jidħol fl-epoka tal-mument.

L-epoka tal-mument kienet li l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, ċioè l-Mexxej tal-Malta Labour Party Dom Mintoff kien iddeċieda li jbiegħ il-Forsi lil ħuħ għal prezz ta’ elfejn lira Maltin…u b’hekk witta t-triq sabiex dan il-Forti fil-Kottonera jispiċċa f’idejn il-privat.