Lokali Qorti

Żagħżugħ mixli li saq bla liċenzja u li prova jaħrab mill-Pulizija

Żagħżugħ ta’ 21 sena residenti San Ġwann tressaq il-Qorti u ġie mixli li saq mingħajr liċenzja, polza tal-assigurazzjoni kif ukoll li sar riċediv li kiser il-kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest minn każ preċedenti.

Iż-żagħżugħ, Ferdisan Azzopardi, qed jiċħad l-akkużi miġjuba kontrih.

Quddiem il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici ġie spjegat li l-Uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit innutaw karozza suspettuża lejn ix-xatt tal-Belt u kien għalhekk li marru għal fuqu bil-konsegwenza li l-akkużat prova jaħrab mill-post. Iżda l-uffiċjali irnexxielhom iwaqqfuh ftit tal-ħin wara.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest bil-Prosekuzzjoni oġġezzjonat hekk kif matul is-sena li għaddiet ingħata sentenza sospiża u kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Iżda d-difiża qalet li jistgħu jingħataw kundizzjonijiet stretti dan apparti li l-imputat jieħu ħsieb tifel minuri.

Il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici laqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li jrid jiffirma darba fil-ġimgħa b’depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €25,000.

Għall-akkużat deher l-Avukat Nicholas Mifsud.