Lokali Temp

IĊ-ĊIKLUN HARRY: Ir-riħ mistenni li jlaħħaq qawwa ta’ riefnu – twissijiet mis-CPD u l-AFM

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Wara s-silġ li esperjenzajna fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-gżejjer Maltin qed jibqgħu jintlaqtu minn temp estrem li qed jaffettwa diversi zoni tal-pajjiż – partikolarment, lokalitajiet viċin il-kosta.

L-Uffiċċju Metereoloġiku ħareġ twissija fejn spjega li r-riħ mix-Xlokk il-Lvant żdied għal qawwa ta’ riefnu. U kellu jibqa’ hekk anke fis-sigħat ta’ bil-lejl.

Iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ fi ħdan l-armata avża lill-pubbliku biex jevita zoni ta’ periklu, inkluż zoni kostali u l-baħar minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp deskritti bħala “perikolużi”.

Twissija oħra ħarġet mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li appella għall-attenzjoni f’dawn is-sigħat – speċjalment għall-ħaddiema li jaħdmu fuq barra, sewwieqa, u anke nies li jkunu għaddejjin minn rotot viċin il-baħar.

Dan ir-riħ qawwi mistenni li jkompli wkoll matul il-jum tat-Tlieta bil-qawwa tar-riħ kapaċi tilħaq saħansitra Forza 10. Bir-riżultat li diversi zoni viċin il-kosta qed jesperjenzaw mewġ għoli.

Dan apparti li r-riħ qawwi qed iwassal biex tqaċċtu xi siġar. Filwaqt li anke s-servizz tal-Gozo Channel ġie affettwat.

Minħabba r-riħ qawwi u s-saħħa tal-mewġ, il-Gozo Channel qalet li f’xi ħin is-servizz kellu jiġi sospiż. Għalkemm sa filgħodu, il-vapuri kienu qed joperaw lejn is-South Quay – fejn kif mistenni kien hemm dewmien fit-traġitti.

Il-maltemp tat-Tnejn u t-Tlieta huwa riżultat taċ-ċiklun imlaqqam ‘Harry’ li żviluppa lejn in-naħa t’isfel ta’ Sqallija. U pajjiżna wkoll qed iħoss l-effetti tiegħu.

L-awtoritajiet Taljani ħarġu twissija għal tliet reġjuni li huma Sardenja, il-Kalabrija u Sqallija. F’xi zoni, anke l-iskejjel inżammu magħluqin.

F’Sirakusa, is-sitwazzjoni tant kienet estrema li s-Sindku ordna biex anke ċ-ċimiterju jinżamm magħluq. U waqqaf kull forma ta’ aċċess f’parks pubbliċi jew kumplessi sportivi.

Intant, jidher li anke l-gżira Spanjola ta’ Mallorca qed tintlaqat minn maltemp qawwi kaġun taċ-ċiklun ‘Harry’.