L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) tinforma lill-pubbliku u lill-operaturi fis-settur tal-kostruzzjoni li, fid-dawl tat-twissija ta’ temp estrem li qed tolqot lil pajjiżna, is-servizzi tad-Dipartiment tal-Infurzar tal-Awtorità mhumiex se jkunu affettwati u se jibqgħu joperaw b’mod normali.
Filwaqt li l-Awtorità tappella sabiex, għal raġunijiet ta’ sigurtà, kwalunkwe xogħol ta’ kostruzzjoni,
b’mod partikolari xogħol fuq barra, jieqaf temporanjament, l-operat tal-infurzar, il-monitoraġġ tas-siti u l-interventi meħtieġa se jkomplu jsiru mingħajr interruzzjoni.
L-Awtorità tħeġġeġ lill-kuntratturi sabiex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa ta’ prekawzjoni, fosthom li:
- iħallu s-siti ta’ kostruzzjoni nodfa u ordnati,
- ineħħu jew jissikkaw kwalunkwe materjal li jista’ jinġarr jew jtir bir-riħ,
- jiżguraw li l-makkinarju jitħalla f’pożizzjoni sigura, u
- jivverifikaw li strutturi temporanji, hoarding u faċċati jkunu stabbli u f’kundizzjoni li jifilħu
rjieħ li mistennija jilħqu sa forza 9.
Kull kuntrattur jibqa’ kompletament responsabbli li jidentifika, jimmitiga u jindirizza kwalunkwe periklu potenzjali jew eżistenti fuq is-sit ta’ kostruzzjoni rispettiv.
Għalkemm l-uffiċini tal-Awtorità fil-Marsa u l-Furjana ser ikunu magħluqa għall-pubbliku fiżikament nhar it-Tlieta, 20 ta’ Jannar, minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp estrem, dan bl-ebda mod ma jaffettwa s-servizzi tad-Dipartiment tal-Infurzar, li se jibqa’ disponibbli biex jirrispondi għal rapporti, lmenti u sitwazzjonijiet ta’ riskju.
//= $special ?>

