Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, issa qed iwaħħal fin-Norveġja għall-fatt li hu ma ngħatax il-Premju Nobel għall-Paċi tas-sena l-oħra.
Trump, fl-istess ħin, mhux iżomm lura milli jesprimi d-diżapprovazzjoni tiegħu, ftit jiem biss wara li María Corina Machado — il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Veneżwela u r-rebbieħa attwali tan-Nobel għall-Paċi – marret f’Washington biex tippreżenta personalment il-midalja tan-Nobel lill-President Amerikan…Pass li qanqal kritika minn kull rokna tad-dinja, bil-Fondazzjoni tan-Nobel tagħmilha ċara li l-premju ma jistax ikun ittrasferit minn persuna għall-oħra – lanqas b’mod simboliku.
Intant, Donald Trump, issa, qed jgħid li mgħadux iħossu obbligat li jaħseb biss fil-paċi — u meta hu, mill-ġdid, insista bil-jeddijiet għal Greenland; it-territorju semi-awtonomu li ilu jifforma parti mid-Danimarka għal mijiet ta’ snin.
Il-President Amerikan wassal messaġġ ‘rabbjuż’ lill-Prim Ministru tan-Norveġja Jonas Gahr Støre fejn reġa’ ilmenta talli ‘dan il-pajjiż ma rrikonoxxihx għall-fatt li hu rnexxielu jwaqqaf tmien gwerer’….Kumment familjari ta’ Trump li, fil-verità, qatt ma kien issostanzjat bil-fatti.
Trump temm il-messaġġ bit-theddida li ‘filwaqt li l-ħarsien tal-paċi jibqa’ fattur kruċjali, issa wasal iż-żmien biex wieħed jaħseb dwar x’inhu tajjeb u ħażin għall-Istati Uniti’.
Il-Mexxej Amerikan kompla jinsisti li d-dinja ma tkunx sikura dment li l-Istati Uniti ma jkollhiex il-kontroll totali u assolut ta’ Greenland’ – bis-CBS News tkun l-ewwel aġenzija tal-aħbarijiet li konfermat il-kontenut tal-messaġġ ta’ Trump lil Jonas Gahr Støre.
Min-naħa tagħhom, Støre u l-President Finlandiż Alexander Stubb, it-tnejn enfasizzaw l-oppożizzjoni għat-tariffi ġodda li Trump irid jimponi fuq l-Alleati tal-Punent li qegħdin jiddefendu l-integrità territorjali ta’ Greenland. Huma sostnew li l-Istati Uniti teħtieġ tnaqqas mit-tensjoni tal-mument minħabba r-riperkussjonijiet koroh potenzjali ta’ din is-sitwazzjoni.
Il-Prim Ministru Norveġiż, sadanittant, fakkar mill-ġdid li l-għoti, kull sena, tan-Nobel għall-Paċi ikun deċiż minn kumitat indipendenti u mhux mill-Gvern Norveġiż.
Fl-istess ħin, Trump qed jisħaq li ‘għadu lest’ biex jixtri l-art ta’ Greenland li għandha importanza kbira minn aspett loġistiku – iżda mhux jeskludi li juża l-forza militari biex jirrealizza t-tragward. Dan minkejja li pass bħal dan ikun ifisser attakk dirett fuq id-Danimarka, li hi sieħba ta’ Washington fl-Alleanza tan-NATO.
//= $special ?>

