Lokali Saħħa

Il-Maltin qed iħallsu qares għal Gvern li telaqhom għal riħhom fis-saħħa – PN

Mijiet qed iħallsu prezzijiet ferm ogħla għal mediċini li jixtru spiss

Għandna Gvern li uża s-saħħa fi slogan elettorali imma li nesieha fit-tmexxija tal-pajjiż u qed jitfa’ piżijiet dejjem akbar fuq il-poplu Malti u Għawdxi.

Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Ministers Stephen Spiteri u Ian Vassallo ġie spjegat li fir-rapport State Of Health In The EU: Malta – Country Health Profile 2025 li ħareġ f’Diċembru li għadda juri kif il-Maltin huma t-tieni l-aktar poplu li jonfoq flus f’mediċini fl-Ewropa.

Dan ir-rapport jgħid li l-Maltin qed jonfqu minn bwiethom medja ta’ €650 kull wieħed fis-sena. Huma biss il-Ġermaniżi li jonfqu aktar minna.

Id-differenza hi li l-paga medja fil-Ġermanja hi madwar €5,300 filwaqt li f’Malta hi ta’ €2,500 u l-pensjoni medja fil-Ġermanja hi ta’ €1,600 fix-xahar mentri f’Malta hi €1,200.

In-numru kbir ta’ mediċini out-of-stock mill-formularju qed ifisser li ħafna – inkluż bosta anzjani, pensjonanti u persuni vulnerabbli – qed ikollhom joħorġu minn bwiethom il-mijiet ta’ ewro għall-mediċini li għandhom bżonn.

Dan apparti ż-żieda fil-prezzijiet tal-mediċini grazzi għal miżuri u tariffi ġodda li daħħal inkiss inkiss il-Gvern u li ma ssemmew imkien fil-‘budget bla taxxi’ li ppreżenta l-Gvern ta’ Robert Abela tliet xhur ilu.

Għall-kuntrarju ta’ affarijiet oħra, dawn iż-żidiet iddaħħlu mingħajr daqq ta’ trombi u konferenzi tal-aħbarijiet.

Filwaqt li fl-aħħar jiem qamet diskussjoni dwar żidiet fi prezzijiet ta’ affarijiet ferm inqas bżonjużi milli hija s-saħħa, iż-żidiet – f’xi każi ta’ 50%, 100% u anke 230% fil-prezzijiet tal-mediċini – ftit li xejn issemmew. Imma l-prezz, illum, qed iħallsuh il-pazjenti u dawk l-aktar vulnerabbli.

Il-Partit Laburista li kien ħalef li mill-gvern kien se jaqta’ l-mediċini out-of-stock u ma’ kull ċans li kien ikollu kien jitkellem dwar il-prezzijiet tal-mediċni, iIlum qed iħalli lill-pazjenti jfendu għal rashom.

Hekk ġara bil-mediċina ta’ prevenzjoni tal-HIV, il-PrEP, li bħalissa mhix disponibbli f’Malta, lanqas bi ħlas. Il-Gvern mhux biss falla milli jwettaq il-wegħda tiegħu li jintroduċi l-PrEP b’xejn, iżda issa ħalla wkoll l-istocks jiskadu mingħajr ma ġew sostitwiti, u dawk li għandhom bżonn din il-mediċini spiċċaw b’xejn. Issa, ilbieraħ, Robert Abela stenbaħ u wara l-kritika li skada l-istock ta’ din il-pillola kontra l-HIV, ħabbrilna li mill-aħħar tax-xahar se jibda jwettaq din il-wegħda li kienet fil-manifest elettorali tal-Labour erba’ snin ilu.

Illum eluf ta’ persuni qed iħabbtu wiċċhom mal-mediċini out-of-stock u jispiċċw jixtru l-mediċini minn bwiethom bi prezzijiet ferm ogħla. Il-Gvern ta’ Robert Abela tilef il-kredibbiltà fis-saħħa.