L-istqarrijiet li ħarġu l-Gvern Laburista u l-ARMS, wara li l-Partit Nazzjonalista kixef it-taħwid fil-kontijiet tad-dawl, qed jiġu mgiddba mill-konsumaturi stess u qed jikkonfermaw li mhux talli dan it-taħwid ma ssolviex, imma talli l-problema hija akbar milli kien maħsub.
Wara li l-Partit Nazzjonalista l-ġimgħa li għaddiet żvela t-taħwid li qed ikun hemm fil-kontijiet b’ħafna nies mhix titnaqqsilhom l-Eko-riduzzjoni, ħafna persuni avviċinaw lill-PN bil-kontijiet tagħhom.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, illum il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li dawk li l-Labour u l-ARMS iddeskrivew bħala “perċentwal żgħir” mill-klijenti tal-ARMS li ġew milquta, u dawk li skont il-Ministru Miriam Dalli sa dalgħodu stess huma “ftit mijiet”, fil-fatt oriġinarjament kienu jammontaw għal eluf ta’ nies u familji li ntlaqtu u spiċċaw iħallsu kontijiet ogħla. Dan tikkonfermah korrispondenza li għandha f’idejha l-Oppożizzjoni.
Alex Borg qal li mhux talli l-problema ma ġietx solvuta imma talli issa sirna nafu li hemm kontijiet ġodda, saħanistra nies li twaħħlulhom meters ġodda fl-aħħar xahrejn, li wkoll ġew effettwati. Hija gidba wkoll li mhux veru li l-problema nħbiet, tant li kieku ma tkellimx il-PN għadna sa issa ma nafux biha.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa inaċċettabbli li l-Gvern juża l-ARMS u jinqeda biha biex jigdeb lill-konsumaturi. Kif inhuwa inaċċettabbli wkoll li aktar familji qed jispiċċaw iħallsu kontijiet ogħla milli suppost, u jekk ma jindunawx huma b’dak li qed jiġri, mhumiex qed jiġu infurmati mill-ARMS.
“Waqt li l-Gvern nefaq mijiet ta’ eluf ta’ ewro fi propaganda biex jibgħat ittri fid-djar u jinforma lill-konsumatur kemm qed jiffranka bis-sussidji fuq l-enerġija, ma nefaqx ċenteżmu wieħed biex jinforma lill-klijenti li qed jirċievu kontijiet ogħla minħabba dan l-iżball tal-ARMS,” qal il-Kap tal-PN.
Fid-dawl ta’ dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista talab lill-MCCAA – l-entità responsabbli mill-kompetizzjoni u l-affarijiet tal-konsumatur, u lir-Regolatur tas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) biex jinvestigaw din il-kwistjoni.
Alex Borg qal li t-taħwid fil-kontijiet huwa biss riflessjoni tat-taħwid kbir li hemm fl-ARMS fejn fl-aħħar xhur kien hemm sensiela ta’ riżenji minħabba promozzjonijiet inġusti lil dawk tal-qalba waqt li dawk li kien ħaqqhom promozzjoni tħallew l-art.
Sadanittant, il-Ministru responsabbli li mliet l-ARMS b’nies tal-fiduċja tagħha, għadha qed tistaħba minflok twieġeb il-mistoqsijiet li qed isiru.
Fid-dawl ta’ dan, il-Kap tal-PN għamel numru ta’ domandi li l-Ministru Miriam Dalli jeħtieġ li twieġeb kemm jista’ jkun malajr. Staqsa meta saret taf b’din il-froġa, x’passi ħadet meta saret taf, u x’se tkun qed tagħmel fuq l-abbużi u l-imkompetenza fl-ARMS li wasslu għal dan kollu.
Alex Borg appella wkoll lil Miriam Dalli biex tgħid eżatt kemm kien hemm nies li ntlaqtu, wara li dalgħodu ddikjarat li huma ftit mijiet. “Huma kemm huma,” qal Alex Borg, “jidher li għal Labour in-nies tant saru biss numri li ftit mijiet jew eluf iħallsu ż-żejjed mhumiex problema.”
//= $special ?>
