Dħalna f’sena ġdida u għal darb oħra qed naraw kif il-prezzijiet komplew jiżdiedu; bil-familji Maltin u Għawdxin u n-negozji żgħar u medji qed ikomplu jħossu l-impatt tal-għoli tal-ħajja.
Net News tkellem ma’ diversi negozji fil-qasam tal-kostruzzjoni li żvelaw kif minn din il-ġimgħa l-prezz tas-siment ogħla b’6% – u allura dan ifisser li n-negozji issa jridu jħallsu €142 għal bowser siment minflok €134. Dan il-prezz jeskludi l-VAT – u allura fil-verità l-prezz huwa ogħla.
Apparti minn hekk, jidher li anke s-siment ippakkjat ogħla fil-prezz bl-impatt ta’ dawn iż-żidiet se jinħassu l-aktar minn negozji żgħar u medji.
Infatti dawk li tkellmu ma’ din il-Kamra tal-Aħbarijiet esprimew magħna kif l-iżviluppaturi l-kbar ma jħossux dawn iż-żidiet – iżda għall-kumplament dawn iż-żidiet huma sostanzjali.
Qalulna wkoll li issa li ogħla s-siment mistenni li jkun hemm żidiet f’numru ta’ materjali oħra fosthom il-bricks u l-planki b’dawn iż-żidiet żgur li se jkunu ta’ sfidha għalihom.
L-istess sorsi esprimew l-inkwiet tagħhom għall-fatt li żidiet bħal dawn – li ma jiħabbrux fil-Budget – huma meqjusa bħala taxxi moħbija. U fl-aħħar mill-aħħar, jispiċċaw jinġarru mill-konsumaturi.
Fl-aħħar ġimgħat kien hemm diversi prodotti li żdiedu fil-prezz – fosrhom anke l-ħalib lokali li żdied sew fil-prezz, kif ukoll numru ta’ prodotti oħra essenzjali li esperjenzaw żieda fil-prezz.
Kaġun ta’ dawn iż-żidiet il-familji Maltin u Għawdxin se jkomplu jsibuha ferm diffiċli sabiex ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar.
Fl-aħħar snin il-PN ressaq numru ta’ proposti sabiex tittaffa l-kriżi tal-għoli tal-ħajja fosthom li l-COLA ma tkunx intaxxata kif ukoll li jkun hawn Fond Nazzjonali li jgħin lil min jimporta u jesporta.
//= $special ?>

