Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: The Plaza Depiro jsaħħu it-tielet post

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Starlites Revive…….134

Valletta Dream……….89

(36-26)(32-18)(33-17)(33-28)

Starlites Revive iddominaw kontra Valletta Dream f’rebħa konvinċenti ta’ 134–89, partita li kienet kważi kollha taħt il-kontroll tagħhom. Starlites kellhom vantaġġ fil-fast breaks (40 kontra 21) u l-punti mill-bank (29 kontra 4). Il-partita offriet 34 three pointer bi Starlites  jagħmlu 19, filwaqt li Valletta waqfu fuq 15. Dan, flimkien ma’ shooting ġenerali aħjar u kontroll fit-turnovers, wassal biex Starlites jibnu distakk kbir li baqa’ jiżdied sal-aħħar. Starlites kienu mingħajr Alec Felice Pace, Andrew Aquilina u l-Amerikan Jackson Threadgill u Valletta kienu mingħajr Stefan Vincic u Kieron Caruana. Il-partita fetħet b’ritmu għoli fejn iż-żewġ naħat bdew jagħmlu trippli regolarment tant li sal-intervall kienu diġa daru 20 trippla bi 13 għal Starlites u 7 għal Valletta. Sas-sitt minuta, Starlites kienu 20-11 minn fuq fejn fost l-oħrajn kellhom it-trippli minn Ian Felice Pace, Musa Jallow u Travis Fee. Għal Valletta, Roper Miles ukoll kellhu sensiela ta’ trippli hekk kif basket ta’ Clayton Debono naqqas id-distakk għal 4 punti 22-18. Fl-aħħar żewġ minuti u nofs kien hemm biss trippli fuq iż-żewġ naħat għal skor ta’ 36-26. Fit-tieni perjodu kien Matthew Sceri li beda b’żewġ three pointers għal Starlites u għalkemm Miles u Albert Varcallo wieġbu għal Valletta, Starlites marru 16 minn fuq fir-raba’ minuta 53-37. Starlites komplew bi break ta’ 10-0 b’sensiela ta’ free-throws u trippla minn Miguel Fabri u daħlu jistrieħu 68-44 minn fuq.

Starlites komplew bl-istess ritmu fil-bidu tat-tielet taqsima meta għamlu run ta’ 9-0 bi trippla oħra ta’ M. Fabri. Il-punti ta’ Valletta ġew bil-mod u bejniethom Starlites dejjem sabu ħin għal runs qosra u aktar trippli fejn għaqqdu l-mitt punt fit-tmien minuta permezz ta’ dunk ta’ Jallow. Valletta għamlu l-aħħar 5 punti bi trippla ta’ Miles u basket ta’ Varcallo għal skor ta’ 101-61.Fl-aħħar sessjoni, ftit li xejn kien għad fadal storja fejn Starlites komplew iżidu l-vantaġġ b’aktar trippli nkluż minn Zac Said Hollier u Kai Fabri f’run oħra ta’ 15-5. Lejn it-tmiem Valletta għamlu run ta’ 7-0 hekk kif Starlites ħarġu rebbieħa 134-89.

Starlites Revive: K. Fabri 8, T. Fee 24, I. Felice Pace 13, M. Fabri 12,  Z. Said Hollier 6, M. Scerri 18, J. Iturmendi 17, G. Camilleri 3,  M. Jallow 33.

Valletta Dream: F. Mifsud Bonnici 10, L. Vella 2, R. Miles 45, F. Lisondra 2, C. Debono 3, A. Varcallo 25, M. Rieger 2.

Referees: Nestor Rincon, Miguel De Flavia, Andre Attard

.

Luxol Sherries Estates………66

Hibernians………………………107

(16-19)(21-32)(14-25)(15-31)

Hibernians ħarġu rebbieħa 107–66 kontra Luxol Sherries Estates f’logħba li ġiet deċiża minn kmien. Il-Pawlisti għamlu differenza ċara fil-fast breaks (35 kontra 18), fil-punti minn turnovers (30 kontra 10) u fil-kontribut mill-bank (32 kontra 19), filwaqt li żammew ukoll stabbiltà fil-pussess b’1.14 punti kull pussess. Luxol sabuha diffiċli biex ilaħħqu mar-ritmu, hekk kif Hibs żammew kontroll tal-vantaġġ għal aktar minn 39 minuta u kabbru d-distakk b’mod kostanti sal-aħħar. Luxol kellhom aktar players neqsin fejn għalkemm irkupraw lil Miguel Brincat, kienu nieqsa Nik Vasovic u Stefan Cappello però ntroduċew liż-żagħżugħ Mark Iloube. Hibernians kellhom bidla waħda fejn Teo Gjurovski ħa post Vido Kustudija. Hibs bdew tajjeb u bil-punti ta’ Deonte Jackson marru 9-0 minn fuq. Wara problema teknika fil-padiljun li ġiet risolta grazzi għax-xogħol siewi tan-nies tal-MBA, il-partita tkompliet u Luxol għamlu run ta’ 9-2 u waslu sa’ punt ‘l bogħod. Hibs reġgħu irkupraw bil-punti ta’ Matthew Gouder u wara li Luxol kellhom trippla ta’ Darron Howard, it-taqsima għalqet bil-Hibs fuq quddiem 19-16. Il-Pawlisti reġgħu fetħu tajjeb fit-tieni perjodu b’aktar punti minn Gouder u Neil Cassar u marru 12 minn fuq 30-18. Luxol kellhom trippla minn Adam Azzopardi u Brewer però Hibs komplew bi break ta’ 10-0 b’aktar punti minn Piotr Stelmach u Jackson u daħlu jistrieħu 51-37 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni, Hibs bdew bil-baskets ta’ Demcesen u sensiela ta’ free-throws minn Jackson. Brewer u Brincat wieġbu għal Luxol hekk kif Hibs tilfu lil Elijah Simmons bil-ħames foul. Minkejja dan, Hibs komplew ikabbru l-vantaġġ bi trippli ta’ Gouder u Cassar filwaqt li Jayden Johnson wieġeb għal Luxol għal skor ta’ 51-76. Fl-aħħar sessjoni kien hemm bidu ieħor tajjeb minn Hibs bi trippla ta’ Stelmach u l-punti ta’ Demcesen f’run ta’ 7-0 fl-ewwel tlett minuti. Wara risposta minn Johnson, Hibs komplew b’run ta’ 15-2 li rathom jagħqqdu l-mitt punt b’basket ta’ Jackson. Lejn it-tmiem iż-żagħżugħ Eric Fenech Pace niżżel ukoll ismu fost l-iskorers bil-freethrows però finalment kienu Hibs li ħarġu rebbieħa.

Luxol Sherries Estates: D. Howard 18,  A. Azzopardi 9, I. Azzopardi, J. Johnson 6, M. Brincat 5, M. Iloube 3, X. Brewer 21, S. Marra 1, E. Fenech Pace 21.

Hibernians: N. Cassar 11, E. Simmons 8, A. Ajiboye 12, L. Attard 2, L. Farrugia 3, P. Stelmach 8, M. Gouder 17, D. Jackson 22, M. Attard 3, T. Gjurovski, I. Demcesen 21, S. Simic.

Referees: Nestor Rincon, Jacques Siefert, Miguel De Flavia

The Plaza Depiro……..71

Athleta AtoZ……………56

(18-7)(10-9)(24-20)(19-20)

The Plaza Depiro saħħew it-tielet post tal-klassifika hekk kif kisbu r-raba’ rebħa tal-kampjonat b’suċċess ta’ 71–56 fuq Athleta AtoZ. It-tim ta’ Norbert Borg kien fuq quddiem għal aktar minn 35 minuta u għamel id-differenza bl-istabbiltà fil-pussess (0.94 punti kull pussess kontra 0.73) kif ukoll fir-rebounds (47 kontra 39). Athleta kellhom mumenti pożittivi fit-tielet sessjoni, iżda n-nuqqas ta’ shooting konsistenti minn barra (4/27) ma ħalliehomx jibqgħu fil-logħba sal-aħħar.Għal Depiro għadu nieqes Luca Stefanovic u kienu wkoll mingħajr Trevon Reddish filwaqt li Athleta kienu mingħajr players Amerikani hekk kif l-aħħar player li rreġistraw Orlando Little qiegħed jistenna l-international clearance. Wara li Athleta ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 4-2, Depiro qalbu l-iskor bil-punti ta’ Cameron Cornelius u Sean Galea. Athleta sabu diffikulta biex jagħmlu l-punti u Depiro min-naħa l-oħra kellhom tlett trippli minn Alessio Trapani u Jean Paul Schembri għal skor ta’ 18-7. Fit-tieni sessjoni, Depiro fetħu bi trippla oħra din id-darba minn Nikola Bozovic. Għal xi ħin, Athleta irrispondew bil-punti ta’ Marcus Duffy u Isaac Bonett qabel ma Bozovic kellhu punti konsekuttivi. Trippla ta’ Seba Ebelashvili għalqet it-taqsima bid-Depiro fuq quddiem 28-16.

Fil-bidu tat-tielet sessjoni, iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex Depiro baqgħu 12 minn fuq. Athleta waslu sa’ 9 punti ‘l bogħod 26-35 però Depiro malajr reġgħu kabbru l-vantaġġ bil-basket ta’ Felix Uadiale u trippla ta’ Cornelius. Athleta kellhom trippla minn Isaac Bonett qabel ma Depiro għamlu run ta’ 7-2 biex kabbru l-vantaġġ 52-36 u ntemmet it-tielet taqsima. Fl-aħħar taqsima, Depiro komplew ikabbru d-distakk bi break ta’ 7-0 bi trippla ta’ Cornelius. Athleta wkoll għamlu 5 punti konsekuttivi però Depiro temmewlhom kull tama b’run ta’ 12-4 li għalquha bi trippla ta’ Niksa Zivkovic. L-aħħar minuti raw lil Athleta jagħmlu run ta’ 11-0 li serviet biss biex jagħmlu l-iskor aktar rispettabli hekk kif Depiro ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 71-56.

The Plaza Depiro: S. Galea 5, J. Micallef, N. Zivkovic 4, JP Schembri 6, A. Trapani 3, M. Sammut, C. Cornelius 14, F. Uadiale 22, N. Bozovic 17.

Athleta AtoZ: K. Fabri, M. Duffy 8, S. Ebelashvili 10, R. Vitale 9, I. Bonnett 24, M. Spiteri, L. Borg 2, J. Cefai 3.

Referees: Bernard Vassallo, Wendell Lin, Jacques Siefert