L-Oppożizzjoni tappoġġja l-miżuri ta’ prevenzjoni li ħabbar il-Gvern illejla minħabba s-sitwazzjoni tat-temp hekk kif il-Gżejjer Maltin mistennija jintlaqtu minn kundizzjonijiet estremi fis-sigħat li ġejjin.
Il-Partit Nazzjonalista jrodd ħajr lill-forzi tal-ordni li diġà jinsabu impenjati f’ħidma qawwija biex jassiguraw li jitneħħa kull periklu mit-toroq u mill-postijiet li l-aktar li mistennija jintlaqtu mill-maltemp previst għal għada fl-istess ħin li qed jassiguraw li tkun imħarsa s-sigurtà tan-nies madwar il-pajjiż kollu.
Nirringrazzjaw ukoll lill-ħaddiema kollha li b’xi mod jew ieħor huma involuti f’din il-ħidma, fosthom il-membri tal-Protezzjoni Ċivili, il-Forzi Armati ta’ Malta u l-Pulizija. Radd ta’ ħajr imur ukoll għal kull min jipprovdi xi tip ta’ servizz f’pajjiżna u ġie effettwat, fosthom il-ħaddiema tal-powerstation, dawk li jiġbru l-iskart, u l-ħaddiema tal-Gozo Channel li sakemm jitwaqqfu l-vjaġġi bejn Malta u Għawdex, qed jipprovdu servizz essenzjali f’dawn il-kundizzjonijiet.
Il-PN jaqbel ukoll mad-deċiżjoni li numru ta’ skejjel ma jiftħux minħabba n-numru kbir ta’ edukaturi Għawdxin li jaħdmu fihom kif ukoll id-direttiva li jiġu skużati dawk l-istudenti li għada mhux se jmorru l-iskola, u jieħu l-opportunità biex jirringrazzja wkoll lill-għalliema u lill-istaff kollu fl-iskejjel u fl-istituzzjonijiet edukattivi kollha tal-koperazzjoni tagħhom.
Inħeġġu lil kulħadd biex jikkollabora u jimxi mal-istruzzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet u min verament ma għandux bżonn, ma joħroġx mid-dar.
//= $special ?>

