Alex Borg
Il-Kap
Partit Nazzjonalista
Aktar kmieni din il-ġimgħa kelli l-opportunità, għal darba darbtejn – l-ewwel fil-Parlament u mbagħad meta ltqajt mal-membri tal-Korp Diplomatiku għall-iskambju tal-awguri fil-bidu ta’ sena ġdida, li nenfasizza l-politika barranija ċara tal-Partit Nazzjonalista… Irridu li Malta tibqa’ vuċi kostruttiva fl-Ewropa u fid-dinja, b’politika barranija msejsa dejjem fuq id-djalogu.
L-ewwel nett nixtieq nirringrazzja lid-diplomatiċi kollha għall-ħidma kontinwa tagħhom favur relazzjonijiet internazzjonali b’saħħithom u ta’ rispett reċiproku.
Sena ta’ tiġdid
Din li għadha kemm intemmet niddeskriviha bħala sena ta’ tiġdid profond għall-PN, li llum jinsab ikkonsolidat bħala forza politika serja u preparata biex tassumi r-responsabbiltà tat-tmexxija tal-pajjiż. Dan it-tiġdid kien wieħed mibni fuq governanza interna aktar b’saħħitha, politika bażata fuq kompetenza u professjonalità, u djalogu miftuħ mas-soċjetà ċivili, id-dinja tan-negozju, il-ħaddiema u ż-żgħażagħ.
Fid-dawl tal-isfidi li qed tiffaċċja Malta, nenfasizza l-ħtieġa ta’ viżjoni fit-tul u tmexxija responsabbli, partikolarment fil-ħarsien tal-ambjent, fl-ippjanar sostenibbli, fit-tkabbir ekonomiku ta’ kwalità u fil-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja li qed tolqot lill-familji u lin-negozji. Huwa sostna li l-prosperità ta’ Malta trid tkun ibbażata fuq ir-reżiljenza, l-inklużività soċjali u l-istabbiltà ekon-omika.
Meta nħares lejn il-kuntest internazzjonali, nirrimarka kif il-volatilità ġeopolitika qed toħloq pressjonijiet partikolari fuq stati żgħar bħal Malta, u għalhekk is-serjetà fit-tmexxija u l-impenn lejn il-multilateraliżmu huma essenzjali.
Impenn favur l-Unjoni Ewropea
Nikkonferma l-impenn sħiħ tal-Partit Nazzjonalista lejn l-Unjoni Ewropea u s-sħubija ta’ Malta fiha, filwaqt li nisħaq li l-futur ta’ pajjiżna hu marbut b’mod inseparabbli ma’ dak tal-Ewropa.
Taħt Gvern Nazzjonalista ġdid, Malta se tibqa’ taħdem favur politika mibnija fuq ir-rispett tad-dritt internazzjonali u d-difiża tal-interessi nazzjonali.
Sadattant lir-rwol ta’ Malta fil-fora multilaterali, inklużi n-Nazzjonijiet Uniti, l-OSCE, il-Commonwealth, l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa, irid ikun prova li pajjiżna jista’ jħalli impatt lil hinn mid-daqs tiegħu.
Naturalment f’dan ix-xenarju nibqa’ nesprimi t-tama tiegħi għal paċi ġusta u dejjiema, kemm fl-Ukrajna kif ukoll fil-Lvant Nofsani, filwaqt li ntenni li Malta trid tibqa’ dejjem leħen sod favur id-diplomazija, il-paċi u l-istabbiltà internazzjonali.
Nisħaq ukoll li l-Unjoni Ewropea għandha timpenja ruħha skont il-prinċipji, kif ukoll id-drittijiet u d-dmirijiet internazzjonali. U pajjiżna għandu jibqa’ konsistenti man-newtralità kostituzzjonali tiegħu.
Solidarjetà mal-poplu Iranjan
F’dan il-mument tal-istorja nesprimi wkoll solidarjetà sħiħa mal-poplu Iranjan quddiem rapporti serji u xokkanti ta’ vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li saħaq li għandna dejjem nibqgħu niddefendu l-aspirazzjonijiet leġittimi għal-libertà u t-tmexxija demokratika.
Dwar il-gwerra fl-Ukrajna, nilqa’ l-appoġġ finanzjarju qawwi mill-Unjoni Ewropea, filwaqt li nsostni li d-difiża tas-sovranità Ukrena hi wkoll kwistjoni ta’ sigurtà Ewropea u kredibbiltà internazzjonali. Fl-istess waqt, enfasizza li s-solidarjetà trid timxi id f’id mar-rispett lejn il-qafas kostituzzjonali ta’ Stati Membri newtrali bħal Malta.Dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani nenfasizza, fost l-oħrajn, l-importanza tal-waqfien mill-ġlied, iżda anke s-soluzzjoni ta’ żewġ stati bħala l-unika triq għal paċi dejjiema bejn l-Iżrael u l-Palestina. Nemmen li hemm ukoll il-bżonn tal-istabbiltà fil-Libanu u tranżizzjoni politika fis-Sirja u dan b’enfasi fuq is-sovranità u l-protezzjoni tal-minoranzi.
Nirrikonoxxi u napprezza li l-isfidi tas-sigurtà Ewropea llum għandhom ikunu indirizzati b’diplomazija, B’reżiljenza u b’koperazzjoni internazzjonali mhux permezz ta’ abbandun tan-newtralità tagħha.
Napprezza wkoll li l-baġit li jmiss tal-Unjoni Ewropea – li wkoll kien fuq l-aġenda tal-aħħar Summit tal-Unjoni Ewropea f’Diċembru li għadda u nsostni li ftehim fil-ħin dwar il-qafas finanzjarju hu kruċjali biex ikunu protetti ċ-ċittadini, in-negozji u l-komunitajiet lokali. Dan jista’ jsir biss b’negozjati li jirriflettu wkoll il-bżonnijiet ta’ Stati Membri żgħar u periferali, bħal Malta.
Ħtieġa ta’ solidarjetà prattika u ġusta
Dwar l-immigrazzjoni ntenni li s-solidarjetà Ewropea trid tkun prattika u ġusta, b’kontroll effettiv tal-fruntieri, kif ukoll tqassim ġust tar-responsabbiltajiet u ftehimiet serji bejn il-pajjiżi.
Fl-isfond ta’ kollox pajjiżna, Malta, trid tibqa’ sieħeb Ewropew kredibbli u affidabbli, b’politika barranija msejsa fuq il-paċi, id-djalogu u r-rispett lejn il-liġi internazzjonali, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ lest jappoġġja kull rwol ta’ responsabbiltà li jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ pajjiżna fl-Ewropa.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 18 ta’ Jannar, 2026
//= $special ?>

