Mark Anthony Sammut
Shadow Minister għall-Enerġija u
l-Konservazzjoni tal-Ilma
u
Graziella Galea
Shadow Minister għall-Inklużjoni u
d-Drittijiet tal-Konsumatur
Bosta persuni qed jinnutaw kontijiet tad-dawl aktar għoljin hekk kif għal xi raġuni bosta kontijiet qed joħorġu mingħajr it-tnaqqis tal-Eko-riduzzjoni.
Agħar minn hekk hu l-fatt li l-ARMS ilha sena taf li sar żball fis-sistema tagħha, u minflok infurmat lill-konsumaturi, ħalliethom fil-għama.
Minħabba f’hekk mijiet, jekk mhux eluf ta’ familji ilhom jitilfu l-Eko-riduzzjoni għal mill-inqas sena, u l-ARMS qed tirranġa biss il-kontijiet ta’ min jilmenta mingħajr ma tagħtih lura dak li kien ħallas żejjed fil-kontijiet li laħqu ħarġu qabel ma nduna.
Għal din l-aħħar sena jew aktar, numru ta’ kontijiet tad-dawl residenzjali bdew joħorġu mingħajr it-tnaqqis tal-Eko-riduzzjoni.
Dan ifisser li hemm min suppost qed jikkwalifika għall-Eko-riduzzjoni, li hi skont ta’ 25% għal min ma jaħlix dawl b’mod eċċessiv, u qed jitlef dan il-benefiċċju minħabba dan l-iżball fis-sistema tal-ARMS.
L-ARMS ilha infurmata b’din is-sitwazzjoni tal-inqas minn Frar 2025, kif jikkonfermaw korrispondenzi elettroniċi interni li l-Partit Nazzjonalista għandu f’idejh. Madanakollu l-ARMS fl-ebda ħin ma ħarġet avviżi biex tinforma lill-pubbliku dwar dan u tara li kulħadd qed jirċievi t-tnaqqis li suppost jieħu bl-Eko-riduzzjoni. Minflok, qed jiġi rranġat fis-sistema biss min jilmenta.
L-appell tal-PN lill-konsumaturi hu biex jiċċekkjaw il-kontijiet residenzjali, fejn hemm tal-inqas persuna waħda reġistrata, u jaraw li fil-kont tidher il-linja tal-Eko-riduzzjoni.
Dan it-taħwid fil-kontijiet jirrifletti t-taħwid li għaddej fl-ARMS. Taħwid li rriżulta minħabba sensiela ta’ promozzjonijiet lil tal-qalba u li ħolqu inġustizzji kbar. Dan wassal biex kien hemm sensiela ta’ riżenji ta’ nies kompetenti, li wassal biex l-ARMS illum tinsab fi stat tal-biki.
L-uffiċjali tal-ARMS li wettqu dawn l-inġustizzji jinkludu ċ-Chairperson tan-Nisa Laburisti Nikita Zammit Alamango, it-Teżorier tal-Partit Laburista Marisa Ciappara, Ray Falzon – membru fl-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, u persuna oħra li qed tmexxi l-uffiċċju tar-Riżorsi Umani u li ddaħħlet f’din il-pożizzjoni ta’ tmexxija tal-ARMS dritt mill-Uffiċċju tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat. Tlieta minn dawn l-erbgħa mhux biss huma attivisti Laburisti imma saħanistra huma Uffiċjali fl-Eżekuttiv tal-PL.
Dawn l-abbużi – li twettqu minn bord li jixbah aktar lil xi bord tal-PL milli ta’ entità pubblika – wassal biex mas-sebgħin persuna fetħu appell għax ħassew li kienet twettqet inġustizzja magħhom. Minn dawn, sittin ingħataw raġun.
Riżenji ta’ għadd ta’ ħaddiema mill-ARMS
It-taħwid fi ħdan l-ARMS tant kien gravi li wassal biex fl-aħħar ġimgħat irriżenjaw numru ta’ ħaddiema – inkluż ħaddiema bi twemmin Laburista – għax ma jaqblux mal-mod kif qed titmexxa din l-entità, b’mod partikolari mill-Kap Eżekuttiv George Azzopardi li sa ftit snin ilu wkoll kien Kap Eżekuttiv tal-PL.
Sadattant minkejja li l-Ministru Miriam Dalli, li hi responsabbli mill-ARMS, taf bit-taħwid kollu li għaddej fl-ARMS, baqgħet b’idejha fuq żaqqha u m’għamlet assolutament xejn biex tipprova tirranġa s-sitwazzjoni.
Waqt li l-ħaddiema komuni jbatu l-inġustizzji, dawk tal-qalba jgawdu l-benefiċċji, u l-konsumaturi jħallsu għall-iżbalji riżultat tal-kaos li hemm fl-ARMS.
L-ARMS għandha minnufih tgħid kemm kienu l-kontijiet effettwati mill-iżball tal-Eko-riduzzjoni u toffri rimedju immedjat għal dan.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għandha tkun trasparenti u tgħid kemm ilha taf b’dan it-taħwid fil-kontijiet, min ser jerfa’ r-responsabbiltà għall-ħabi dwar dan it-taħwid, u meta se timplimenta l-Istandard Operating Procedures li ġew suġġeriti mill-Bord tal-Appelli li l-Gvern stess kien waqqaf.
Konferma mill-ARMS
Sadattant b’reazzjoni għal dak żvelat mill-PN, Nikita Alamango, iċ-Chief Operating Officer tal-ARMS – li tokkupa wkoll il-kariga ta’ Chairperson tal-Fergħa tan-Nisa Laburisti – fi stqarrija kkonfermat l-aħbar li kien hemm min irċieva kontijiet tad-dawl bi prezz aktar milli suppost kaġun ta’ żball.
Hi kkonfermat ukoll li kien hemm persentaġġ ta’ klijenti li sofrew dan l-iżball aktar minn sena ilu, iżda ċaħdet li b’xi mod jew ieħor sar xi ħabi dwar dan l-iżball fis-sistema relatata mal-mekkaniżmu tat-tnaqqis tal-eko-kontribuzzjoni.
Qalet ukoll li suppost il-ħlas għandu jkun backdated biex il-klijenti jkunu trattati b’mod ġust, għaldaqstant dawk il-persuni li sal-lum għadhom ma jafux jekk hux se jitħallsu jew le huma mħeġġa jagħmlu kuntatt mal-ARMS, inkluż dawk li għadhom qed jirċievu l-kont tad-dawl mingħajr il-kontribuzzjoni tal-Eko-riduzzjoni.
Miriam Dalli mistennija twieġeb
Quddiem dan l-iskandlu, il-Ministru Miriam Dalli għandha twieġeb u mhux taħrab milli terfa’ r-responsabbiltà tagħha… ma tistax tgħib, kif tagħmel kull meta jkun hemm kriżi f’xi entità li taqa’ taħtha.
La l-ARMS qed tikkonferma dak żvelat mill-PN u qed tgħid li mhux veru ħbiet dan kollu mill-konsumaturi, il-Ministru Miriam Dalli għandha twieġeb:
Meta u kif kienu infurmati l-konsumaturi dwar dan in-nuqqas f’dawn is-sentejn?
Kemm kienu l-kontijiet ta’ konsumaturi milquta minn dan in-nuqqas oriġinarjament?
Kemm huma l-kontijiet ta’ konsumaturi li għadhom affettwati llum?
Meta saret taf b’dan l-iżball il-Ministru u x’kienet id-deċiżjoni li ħadet?
X’se tagħmel fuq il-kontijiet li laħqu tħallsu mill-konsumaturi li kienu qed jitilfu l-eko-riduzzjoni?
X’se tagħmel biex tindirizza l-abbużi u l-inkompetenza li qed jirrenjaw fl-ARMS?
Flok taħrab, tinħeba u titfa’ r-responsabbiltà kollha fuq l-ARMS – li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħha – il-Ministru Miriam Dalli għandu jkollha d-diċenza li b’serjetà u b’akkontabbiltà twieġeb għal dawn il-mistoqsijiet.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 18 ta’ Jannar, 2026.
//= $special ?>

