Matul il-ġimgħa fakkarna mument storiku. Dak li seħħ mitt sena ilu, meta żewġ partiti politiċi attivi sew f’pajjiżna, ingħaqdu. Dawk tal-Unione Politica Maltese u tal-Partit Demokratiku Nazzjonalista ġew f’daqqa nhar is-16 ta’ Jannar 1926
Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali
- Minn hemm, dawk li bażikament kellhom l-istess ideat ġew jaħdmu taħt l-istess programm u ideali.
Ġew reġistrati żewġ direzzjonijiet: l-ewwel, il-ħsieb li pajjiżna għandu jkun indipendenti; u t-tieni, dak ta’ programm soċjali bażat fuq id-duttrina soċjali l-iktar avvanzata tal-Knisja Kattolika.
Kienu jafu x’inhuma jagħmlu. Kienu bnedmin ta’ kultura klassika, mimlijin b’esperjenza politika u integrata f’għajnejn il-poplu. Bnedmin li ħadmu ħafna u ppreparaw it-triq biex dan isir.
Meta nsemmu
- Fil-politika mhux faċli li tilħaq ftehim, iktar u iktar meta f’mumenti kien hemm diġà żewġ partiti jikkompetu elettoralment kontra xulxin. Meta nsemmu persuni bħal Sir Ugo Mifsud, Nerik Mizzi u Carmelo Mifsud Bonnici nifhmu li sar ħafna minnhom.
Tnejn kienu kapijiet. Nannuwi kien is-Segretarju Ġenerali tal-Partit. Taw kollox għall-ideal politiku li kienu jemmnu fih. Wieħed intenzjonat biex il-poplu kien jista’ jingħata futur aqwa mill-preżent li kellu.
Ma stagħnewx. Ġew attakkati u avversati, ħafna drabi inutilment. Però mietu bl-unur tagħhom intatt u f’postu. Imdawrin bi bnedmin li kienu kburin li kienu magħhom, li vvutawlhom u li bkewhom. Illum ninsabu hawn proprju mertu ta’ dan kollu.
Jista’
- F’dan jitressaq l-argument li għal diversi li tul dawn il-mitt sena ġew fil-kuntatt mal-PN, dan fisser ħafna affarijiet differenti. Però, meta ġie f’daqqa, kien ċar ħafna x’jirrappreżenta. Ma kienx partit tal-professjonisti. Anqas tal-estremisti.
Wisq inqas ta’ reazzjonarji tal-lemin. Kien ta’ dawk li kienu kapaċi jħarsu b’serenità u attenzjoni lejn dak li kien għaddej u kif setgħu jħarsu ’l quddiem. Fil-moderazzjoni, mingħajr ma jonqos iż-żelu politiku biex wieħed jibdel.
Jibdel, jirriforma u jintroduċi diversi miżuri soċjali. Kien dan il-Partit li kompla jibni fuq Stat Soċjali attent għall-kurrenti li kienu għaddejja. Kif ukoll kienu tweġiba għal dak li diversi movimenti politiċi oħra kellhom. Affrontaw il-kritika tas-Soċjaliżmu, tal-Komuniżmu, tal-Liberaliżmu u rreżistew il-Faxxiżmu u n-Nażiżmu.
Wirt storiku
- F’dan għaddewlna wirt storiku doppju. L-ewwel, lil pajjiżna direttament. L-Indipendenza u d-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari. Iżda mhux biss. Minn ħdanu ħarġu diversi bnedmin li servew b’ideat ġodda u li kellhom il-kuraġġ li jieħdu toroq li oħrajn beżgħu jterrqu jew li baqgħu lura minnhom.
F’kull perjodu f’dawn il-mitt sena li l-Partit jew kien fil-Gvern, inkella fl-Oppożizzjoni, kien ippreparat iservi. Proprju f’dan hemm it-tieni punt: dak li jixħet ir-responsabbiltà xejn faċli fuq dawk li huma deputati jew uffiċjali biex ikomplu għaddejjin bil-ħidma tagħhom illum.
Biex ikomplu jibnu u jħarsu ’l quddiem biex il-Partit jibqa’ kredibbli, rilevanti u determinanti.
’Il quddiem
- F’dan iktar, għalhekk, il-politika li rridu nkomplu nġorru b’intelliġenza tiddependi mhux mill-effimeru, imma mis-serjetà.
Diversi bnedmin li għandhom id-dritt tal-vot għażlu l-Partit l-iktar għax kien dak li huwa dritt, serju u li taf fejn huwa sejjer. Seta’ kien hemm dgħjufijiet umani fl-imperfezzjoni normali, imma l-fatt jibqa’ li oġġettivament u mingħajr preġudizzji, wieħed jaċċetta li ġieb diversi kunsensi.
Biss il-kunsens elettorali jiġi minn programm ċar u li wieħed ikun verament jemmen fih. Wieħed bażat fuq ideat ispirati mill-prinċipji Demokratiċi Nsara tagħna. Meta dan ma jseħħx, wieħed jibqa’ fejn hu.
Viżjoni
- Il-PN twaqqaf bi skop ċar. Għandu direzzjoni partikolari tiegħu bħala partit tal-massa. F’dan għandu l-melħ partikolari tiegħu. Meta dan jintilef, jiġi skartat jew mixħut ’il barra, jitlef l-effettività tiegħu.
Ta’ dan kollu, m’hemmx ħlief lezzjonijiet passati. L-elezzjonijiet jintrebħu l-iktar għax tkun dak li verament il-poplu jistenna li tkun f’dan kollu. F’dan il-mument partikolari xejn faċli u mimli bi sfidi wieħed irid iħares li jipproteġi l-pedamenti biex ikun rilevanti u kredibbli. F’dan hemm sejħa politika li l-poplu qiegħed jitlob mingħandna.
Hija okkażjoni unika li m’għandhiex tintilef. Waħda li titlob professjonalità, integrità u serjetà. Ideat, ħsieb veru marbut mar-realtà li qed ngħixu llum. F’dan, fuq il-PN hemm ir-responsabbiltà li jassigura li jwettaq dan kollu biex issir il-bidla f’dawn il-gżejjer.
Dak li huwa l-Partit
- F’dan ċert li dawk li kienu hemm mitt sena ilu, dawk li ġew iservu wara u li m’għadhomx magħna, qegħdin iħarsu lejna. Jaraw dak li nwettqu u fejn sejrin.
Jittamaw li dan il-proġett politiku tagħhom jibqa’ għaddej, u fl-istess ħin jibqa’ jkun effettiv. Għandna dmir lejhom, u naħseb li minn hemm fuq nett qed iħarsu b’qalb kbira u tjubija.
Inħarsu ’l quddiem biex inkomplu nservu sewwa sakemm nistgħu, u fl-istess ħin ma nittradux lil dawk li għandhom qed iħarsu lejna minn hemm fuq.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 18 ta’ Jannar, 2026
//= $special ?>

