Lokali

Robert Abela deskritt bħala “Prim Ministru maqtugħ mir-realtà”

“Abela qed joħlom, verament Prim Ministru maqtugħ mir-realtà ta’ madwaru.”

Dawn kienu biss ftit minn mijiet ta’ kummenti b’reazzjoni għal dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela l-Ħadd – fejn saħaq li l-pensjonanti saru sinjuri żgħar. Dikjarazzjoni simili ferm għal dak li kien qal Joseph Muscat ftit tas-snin ilu.

Dikjarazzjoni li nislet diversi reazzjonijiet – kemm ta’ rabja u dispjaċir kif ukoll ta’ dwejjaq għal dawk li jew jgħixu jew għandhom qraba li jgħixu ħajja li hija ferm ‘il bogħod minn dik ta’ sinjur.

Kien għalhekk li bosta ħassew li għandhom jesprimu ruħhom fuq Facebook fejn sostnew li dan huwa biss diskors tal-ħolm. U li fuq kollox maqtugħ mir-realtà.

Realta li kif jindikaw dawn il-kummenti stess hija ferm differenti speċjalment għal dawk li lanqas biss ilaħqu mal-ħajja jew għal dawk li jkollhom bżonn jixtru l-mediċina huma, jew għax tal-POYC tkun out-of-stock jew għax il-mediċina tal-Gvern ma taqbilx magħhom.

B’persuna oħra tgħid li jkollha tixtri mal-200 pillola fix-xahar għax dawn mhux qegħdin fil-formolarju tal-Gvern; u għalhekk, bla dubju, hi ma tgħix ħajja ta’ sinjura.

B’oħrajn jikkummentaw li jekk il-Prim Ministru jaħseb li l-anzjani jgħixu ta’ sinjuri mela allura hu qed iħares biss lejn ta’ madwaru.

Fil-kummenti, anzjan ieħor ta’ 71 sena stqarr li se jkollu joħqoġ jaħdem għax il-kera tal-post tiegħu hija wisq għolja. Kien hemm ukoll dawk illi kitbu li sinjuri huma l-persuni li qed jiddejqu jiddikjaraw l-assi – u mhux l-anzjani. B’oħrajn jgħidu lil Robert Abela biex ma jitħajjarx minn ta’ qablu – b’referenza għal Joseph Muscat, illi kien qal li kulħadd sar sinjur żgħir.

Dikjarazzjoni oħra li kienet nislet rabja fost il-poplu li jaffaċċja sfidi finanzjarji ta’ kuljum.