Il-poplu Spanjol jinsab ixxukkjat u mbikkem wara traġedja li seħħet matul il-lejl tal-Ħadd….Traġedja li fiha, ferrovija ‘high speed’ qabżet il-linji u baqgħet dieħla f’ferrovija oħra li kienet ġejja mid- direzzjoni opposta fl-inħawi ta’ Adamuz, fil-limiti ta’ Cordoba.
Mietu talanqas 40 fl-inċident waqt li kien hemm ukoll numru mhux ikkonfermat ta’ midruba — bl-awtoritajiet ma jeskludux li ċ-ċifra tal-maqtula kapaċi tiżdied aktar ma jgħaddi ħin.
Il-ferrovija kienet għaddejja b ‘veloċità massima wara li telqet minn Malaga lejn Madrid u l-investigaturi qed jindagaw x’wassal għall-hekk-imsejjaħ ‘derailment’ u l-ħabta sussegwenti mal-ferrovija l-oħra.
Fil-fatt, ħafna mill-vittmi li tilfu ħajjithom inzertaw fil-vaguni tat-tieni ferrovija li kienet qed tivvjaġġa minn Madrid lejn Huelva, fin-naħa t’isfel ta’ Spanja.
L-investigaturi qalu li dawn il-vittmi ‘bilkemm kienu jafu x’laqathom’ waqt li l-Ministru tat-Trasport Spanjol, Oscar Puenta, fisser l-inċident bħala ‘wieħed stramb ħafna’ peress li ma nstabu l-ebda ostakli evidenti mal-binarji fiz-zona tat-traġedja.
Tkellmu wkoll ir-rappreżentanti tal-Iryo, il-kumpannija tal-ferroviji ewlenija, u li stqarrew li l-ferrovija li kkaġunat it-traġedja inbniet fl-2022 u kienet relattivament ġdida. Huma spjegaw li l-istess ferrovija kienu sarulha l-ispezzjonijiet tas-sigurtà erbat ijiem biss qabel l-inċident.
Il-Ministeru tas-Saħħa Spanjol, fl-aħħar sigħat, qal li madwar 45 fost il-midruba fl-inċident qed jinżammu l-isptar u li fosthom hemm ukoll numru ta’ tfal.
Fl-istess ħin, il-Guardia Civil – l-aġenzija Spanjola għall-Infurzar tal-Liġi – ikkonfermat li ‘il fuq minn 220 uffiċjal ma’ din il-Gwardja qed jieħdu sehem fl-isforzi tas-salvataġġ fuq is-sit tal-ħabta. Mifhum li dik il-fażi tal-ħidma qed tikkonċentra l-aktar fuq proċess għall-identifikazzjoni tal-vittmi.
Il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez, waqt diskors lill-poplu, tkellem dwar l-aħħar żviluppi relatati mal-inċident waqt li offra l-kondoljanzi sinċiera lill-qraba tal-vittmi, kif ukoll lil dawk kollha li b’xi mod spiċċaw affettwati miċ-ċirkustanzi inevitabbli.
Intant, ir-Re Felipe u r-Reġina Letizia ta’ Spanja deċidew li jirritornaw b’urġenza lejn pajjiżhom malli semgħu bl-aħbar kerha. Il-Koppja Rjali, qabel, kienu qed jattendu l-funeral tal-Prinċipessa Irene fil-Greċja u bir-Reġina Letizja, fl-aħħar sigħat, issostni li l-priorità tagħha u ta’ żewġha kienet li jfarrġu lin-nies kollha affettwati minn dan l-inċident qattiel.
//= $special ?>

